Tuesday 3 January 2012

Il-Każ Stramb tal-Poplu Malti u Lsienu

Daqqa t’għajn fuq fuq lejn l-istorja politika tal-ilsien Malti biżżejjed biex turina li r-relazzjoni bejn il-poplu Malti u l-Malti mhix waħda tas-soltu. Forsi hawn min jaħseb li, wara kollox, fejn jidħlu relazzjonijiet intimi – kif suppost huma dawk bejn komunitajiet u l-ilsien li jidentifikahom –  mhix kwistjoni tas-“soltu” għax m’hemmx forma xi ssegwi. Skont dawn,  l-għamla psikoloġika tal-poplu, l-istorja tiegħu, il-pożizzjoni ġeografika,  kif jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum, dak li jiġri madwaru (u ġieli ’l bogħod minnu), l-istratifikazzjoni soċjali,  il-bidliet fit-teknoloġija u bosta fatturi oħra kollha kemm huma jħawru l-għaġna tar-relazzjoni – u jsawruha b’mod uniku.

Imma, minkejja li kull relazzjoni bejn poplu u lsienu taf tkun idjosinkratika,  l-istorja tal-umanità  miżgħuda b’eżempji ta’ kif il-popli ħabirku u ssieltu b’rispett li l-lsien li jagħżilhom jitweġġaħ  kif jixraqlu; forsi għax għarfu s-sehem indispensabbli tiegħu fit-tiswir ta’ pajjiżhom. U llum kburin bih u jagħmlu minn kollox biex jindukrawh, kemm għax jagħrfu li anke f’dinja globalizzata, l-identità nazzjonali għadha essenzjali u kemm għax jafu li r-relazzjonijiet fil-qrib tal-individwi fil-komunità jiddependu wkoll minn ilsien li huma ta’ ġewwa miegħu. Aktarx hemm raġuni oħra: illum hemm rabta qawwija ma’ dak l-ilsien u min iħaddmu kuljum; hemm storja kollettiva li ħalliet it-timbru fil-moħħ u fir-ruħ, hemm letteratura li nfilsat fil-kuxjenza, hemm l-identifikazzjoni mal-ilsien tant li kull daqqa lilu hija daqqa lill-poplu li ġġib id-dehxa tal-uġigħ, hemm il-biża’ mil-luttu tal-firda li kieku l-ilsien kellu jintilef.

U aħna? Fejn f’pajjiżi oħra kien il-poplu li tqabad  mal-ħakkiem - u ġieli miet - għad-dritt li lsienu jkun rikonoxxut uffiċjalment, fil-każ tagħna allaħares ma kinux il-kolonizzaturi li, għall-iskopijiet tagħhom,  imbuttaw il-lingwa Maltija fis-snin ta’ qabel il-gwerra. Is-sezzjoni edukata tal-poplu, maqbuda fi spirtu nazzjonalista stramb u mgħawweġ aktar minn kemxejn, kienet lesta twarrab l-ilsien biex tisħaq fuq is-suppost identità Taljana tal-kultura tagħna.  Il-ħassieba u kittieba li għarfu l-ħtieġa li jibnu l-Malti miktub fuq sisien sodi, u fl-istess ħin jinsistu li jingħaraf, ma kinux iġibuha żewġ li kieku ma kienx il-ħakkiem barrani li, għax qabillu,  rifed it-talbiet tagħhom u  uża setegħtu biex ġabhom fis-seħħ.

Wara l-gwerra kulħadd intebaħ li politikament issa jaqbel li wieħed jisħaq fuq l-identità Maltija kollha kemm hi, sakemm wasalna għall-proposta tal-Integration. Ġużè Aquilina kien qal  li kien kellmu uffiċjal għoli tal-Partit fil-Gvern u kien qallu biex ma joqgħodx jinsisti wisq fuq il-Malti – il-futur ta’ Malta kellu minn hemm ‘il quddiem jintrabat mal-Ingliż. L-Ingliżi, imma,  l-Integration ma riduhiex. Kienu l-kolonizzaturi li għal darb’oħra, did-darba mingħajr lanqas biss irrealizzaw, salvaw lil ilsienna mid-dagħbien ?

Minħabba f’hekk , politikament reġa’ beda jidwi  l-innu ta’ “Viva l-Malti” bejn wieħed u ieħor b’armonija ġenerali – speċjalment jekk is-sens tas-smigħ ma jkunx akut iżżejjed, u ma’ widnejk ma jaħbtux ukoll in-noti stonati ta’ felli  ġmielu mill-klassi l-medja għolja u dawk li medhija jixxabtu lejn qċaċet soċjali ogħla. Fil-kisriet ta’ kull ilsien hemm riflessi wkoll d-differenzi soċjali; aħna, Alla jbierek, biex nemfasizzaw li aħna ‘l fuq mill-merħla, nwetiwtu b’ilsien ieħor. U issa li kulħadd klassi medja – jew hekk hawn min jgħid – inħalltu u nħawdu l-ilsna skont kif ifettlilna. L-iskola n-numri l-ewwel nitgħallmuhom bl-Ingliż , u imbagħad bil-Malti ftit li xejn jintużaw fid-diskors ta’ kuljum. Anke l-ġranet tal-Ġimgħa dalwaqt jgħibu mill-mitkellem. L-Università tagħna m’għadhiex tesiġi konoxxenza ċċertifikata tal-Malti f’ċerti korsijiet – u ma tħallikx tikteb bil-Malti fl-eżamijiet.

Uffiċjalment għandna lsien Nazzjonali, u s-setgħana erħilhom ifaħħruh u jgħollu sebħu mas-seba’ sema – imma imbagħad kważi kull wieħed minnhom jitmeżmeż milli jużah fil-korrispondenzi interni. Wisq nibża’  li  mill-fomm ‘il barra biss li nagħtu l-ġieħ; il-qalb u l-moħħ mixħutin band’oħra.

Imbagħad joħroġ il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u jipproponi li l-ilsien tat-tagħlim fl-iskejjel ikun l-Ingliż, suppost biex tissaħħaħ il-ħakma fuq din il-lingwa. Jekk tinsa l-perjodu abberranti (pjuttost qasir) tal-ħolma tal-Integration, fid-dar politika tal-kelliemi tal-Oppożizzjoni  saltan ir-rispett lejn il-Malti. Fiha għammru individwi li naqqxu isimhom b’ġieħ fl-annali tal-istorja letterarja: Ġużè Bonnici, Karmenu Vassallo, Anton Buttigieg, Lino Spiteri, Alfred Sant. U oħrajn. Kellu jkun hu, il-bravu Kelliem għall-Edukazzjoni, li jipproponi miżura li kieku xi Gvern kellu jattwaha probabbli tagħti d-daqqa tal-mewt lil ilsienna. Tliet ġenerazzjonijiet oħra, u min se jibqa’ jitkellem u jikteb bil-Malti?

Konna nistennew li l-Ministeru tal-Edukazzjoni jaħsad ras din il-proposta minnufih. Minflok ma saħaq ras is-serp, Il-Ministeru  ma kkomettiex ruħu u se jsejjaħ lil-lingwisti u ‘l-edukaturi ħalli jagħtuh parir kif l-aħjar ifassal u jattwa politika lingwistika fl-iskejjel. Jalla joħorġu bi proposti li jsaħħu t-tagħlim tal-Ingliż u ta’ lingwi oħra. Imma li jitneħħa l-Malti minn lingwa ewlenija tat-tagħlim tkun miżura lingwiċida li tnissel  stmerrija dejjiema minn kull min japprezza l-għerf, l-għarfien u l-kultura.

L-ironija hija li din il-miżura suppost se taħji lill-poplu l-aktar li dawk li jbatu fl-Ingliż u żżidilhom l-opportunitajiet għal xogħol u ħajja aħjar. L-Unesco ma taqbilx. Ħafna edukaturi ma jaqblux. Dan il-blogg dalwaqt ixandar artiklu ta’ edukatur Malti prominenti u rrispettat internazzjonalment li se juri li huma proprju t-tfal tal-ħaddiema l-iktar li se jbatu kieku kellha tiddaħħal miżura bħal din. Ta’ min jixtarrha din.

Għaliex huwa minn fostna stess – u minn min għandu jew se jkollu s-setgħa – li joħorġu proposti li jistgħu jagħmlu ħsara kbira lill-Malti? Timmaġinaw lil xi pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewrpoea – li ħafna minnhom għandhom livell medju ta' Ingliż aktar baxx minn tagħna – li lest li anke jikkonsidra ħaġa bħal din? Għaliex aħna? M’aħniex xi pajjiż multi-etniku bħal Singapore jew l-Indja, fejn l-Ingliż jagħmilha ta’ lingwa franka.

Forsi l-istorja partikolari tagħna – kien bis-saħħa tal-barrani li lsienna ntrefa’ – ma ppremettietx li l-proċess tal-valorizzazzjoni tal-lingwa jitwaħħad mal-kuxjenza tagħna bħal ma sar f’kull pajjiż li jirrispetta lilu nnifsu? Għandna bżonn perjodu Romantiku ġdid li jsaħħaħ in-nofs emanċipazzjoni li gawdej
na minnha? Il-mentalità kolonjali - frott ħakma ħanina - għadha mqabbda mal-għeruq ta’ ruħna?  Biddilna malajr l-altari li ninkinaw quddiemhom: minflok tal-ġirien kolti bħal fis-snin 30, qed noffru s-sagrifiċċju lill-allat tal-globalizzazzjoni – u d-duħħan ta’ ħruq id-debħa qed iċajprilna l-vista?


Hemm popli oħra li, m’ilux wisq,  għaddew minn esperjenzi  bħal dawn u raw l-idjoma tagħhom tiddgħajjef u tinqered minħabba deċiżjonijiet politiċi – jew apatija politika. Wieħed minn dawn huwa l-poplu Sqalli li ra l-prestiġju tad-djalett jaqla’ daqqa wara l-oħra, għax il-politika ma kinitx għaqlija biżżejjed li tħares l-interessi kemm tal-lingwa standard u kemm tal-idjoma lokali. Minn qalb l-Isqallin imweġġgħa ħareġ leħen kiebi li niseġ għanja li r-reżonanzi tagħha jolqtuna. Niftħu għajnejna għax dak li kiteb Buttitta jaf, fi żmien mhux ‘il bogħod, ikun jgħodd għalina.


LINGUA E DIALETTU

Ignazio Buttitta

(maqluba għall-Malti mill-Prof. Manwel Mifsud)

Poplu
xiddlu l-ktajjen
neżżgħu
soddlu ħalqu,
ikun għadu ħieles.

Ħudlu xogħlu
il-passaport
il-mejda fejn jiekol
is-sodda fejn jorqod,
ikun għadu għani.

Poplu
jitfaqqar u jitjassar
meta jisirqulu l-ilsien
li għaddewlu missirijietu:
jintilef għal dejjem.

Jitfaqqar u jitjassar
meta l-kliem ma jwelldux il-kliem
u jibdew jieklu lil xulxin.

Qed nintebaħ issa
jien u nikkorda l-kitarra tad-djalett
li qed titlef korda kuljum.

Jien u nraqqa’
ix-xoqqa kollha kamla
li nisġu nannietna
bis-suf tan-nagħaġ Sqallin.

U jiena fqir:
għandi l-flus
u ma nistax nonfoqhom;
il-ġawhar
u ma nistax nirregalahom
u l-għanja
ġo gaġġa
bil-ġwienaħ imqasqsa. 
                                                                                                                                                    
Fqir
Li jerda’ s-sider niexef
Tal-omm tar-rispett,
Li ssejjaħlu binha
biex twaqqgħu għaċ-ċajt.                            


                                                                            
Imm’aħna omm kellna,
u serquhielna;
sidirha nixxiegħa ta’ ħalib
u kulħadd kien jixrob minnu,
illum jobżqu fuqu.

Fadlilna biss leħenha,
bil-kisra tiegħu
bin-nota baxxa
fil-ħoss u fit-tnehida:
dawn ma jistgħux joħduhomlna. 
   
Ma jistgħux joħduhomlna,
imma xorta għadna foqra
u xorta ltiema.

                                
     

1 comment:

  1. Min fost il-ġnus (kwart mid-dinja?) li sirt naf il-Maltin biss jistħu minn iLsienhom.

    ReplyDelete

L-Italja, Haiti u l-Patt Imxajtan.

Ħ amsin sena ilu, it-Tazza tad-Dinja tal-futbol saret il-Ġermanja. Kienet l-edizzjoni li tibqa’ minquxa fl-imħuħ tad-dilettanti   għaliex fi...