Saturday 21 August 2021

Ħsibijiet Feġġejja

       1.      Malta: ġenna tal-art imnejka. U mhux Joseph Muscat biss niekha.

2.      Joseph Muscat: inkarnazzjoni ta’ Dr. Faustus - biegħ ruħu lix-xitan għall-poter u l-popolarità.

3.      Joseph Muscat: egrant tentattiv ta’ frame-up fuqu – 99.9%

4.      Joseph Muscat: ma kellu x’jaqsam xejn mal-mewt ta’ Daphne

5.      Joseph Muscat: għamel ġid, imma probabbli l-agħar Prim Ministru ta’ Malta.

6.      Joseph Muscat: Għax ma jparparx lejn xi galassja oħra?

7.      Edward Zammit Lewis: imissu jwarrab. Wiċċu u u sormu xorta.

8.      Rosianne Cutajar: imissha twarrab. Wiċċha u sormha xorta. Kont se ngħid li t-tnejn isbaħ minn ta’ Zammit Lewis, imma aħjar le.

9.      Kirsty Debono: ha proprio culo (metaforikament). Laħqet bidlet l-alleanza għax kieku Repubblika et al sallbuha.

10. Repubblika: għanijiet sublimi, imma l-mibegħda ċċajpar għemilhom.

11. The Shift News: il-veri eredi ta’ Daphne, imma l-mibegħda ċċajpar kitbiethom.

12. Occupy Justice: bejn Repubblika u The Shift News, nippreferi 'l Occupy Justice.

13. Daphne: Kull ġurnata li tgħaddi niskopri kemm kellha raġun fuq il-korruzzjoni u kif taħdem.

14. Daphne: kittieba sublimi, investiġtraċi straordinarja, antropologa m’hawnx bħalha.

15. Daphne: kellha difetti serji, imma ħaqqha monument.

16. Daphne: Il-familja tagħha terrqet fid-dulur u immaturat. Li laqgħu l-apoloġija ta’ Robert Abela sinjal eċċellenti.

17. Daphne: il-pass li jmiss hu li l-familja issa tiltaqa’ mal-President.

18. Jason Azzopardi: għandu kuraġġ ta’ ljun. Nixtieq ngħid affarijiet tajba oħra fuqu imma ma nistax insib.

19. Il-PN: farsa tbikkik.

20. Il-PN: kieku kien bniedem konna niċċertifikawh għal Monte Karmeli – tendenzi suwiċidali serji u akuti

21. Bernard Grech: Jidher inkapaċi, imma min, ħlief xi Eddie Fenech Adami, isib tarf f’dak it-taħwid?

22. Bernard Grech: biex imexxi l-PN jeħtieġ l-għerf ta’ Salamun, il-kuraġġ ta’ David, is-saħħa ta’ Sansun u l-fortuna ta’ Ġakobb. Minflok qisu l-poplu Lhudi jdur u jagħqad fid-deżert.

23. Bernard Grech: qisu jien meta kont nipprova ntellaq. Jaf li se jispiċċa l-aħħar, imma jibqa’ għaddej joħlom bil-mirakli.

24.  Adrian Delia: la vendetta è un piatto che va servito freddo.

25. Eddie Fenech Adami:  perfett ma kienx, imma Joseph Muscat ikkonfermalna li kien l-aqwa PM ta’ Malta

26. Eddie Fenech Adami: għandu xi neputi jixbhu? Il-PN għandu bżonnu bħall-ħobż.

27. Eddie Fenech Adami: Jekk tassew għandu d-demenzja, mhi xejn ħlief turija oħra tal-ħniena bla tarf t’Alla.

28. Lawrence Gonzi: kultant inħoss in-nuqqas tal-kalma rassikuranti li kien jaf jittrażmetti.

29. Karmenu Mifsud-Bonnici: qatt kellna politiku personalment integru aktar minnu?

30. Manuel Delia: the queen-maker?

31.  Roberta Metsola: taf tgħodd sal-għaxra...u anke ħdax.

32.  Roberta Metsola: kontra l-legalizzazzjoni tal-abort dejjem u f’kull każ?

33.  Robert Abela: għadu lest li jekk iqum xi ħadd f il-PL b’inizjattivi favur l-abort, “isib lili kontra tiegħu’’? Għax fil-każ se jkollu jippoppa sidru ta’ sikwit...

34. Robert Abela: imma dakinhar x’fettillu jistqarr li jħossu mkisser eċċ? F’konferenza stampa kien mhux fil-klinika tal-psikoterapista.

35. Robert Abela: Kemm-il darba waqa’ fil-politika rħisa ta’ kummenti li jaqtgħu fuq l-oppożizzjoni. Statista ma jinħeliex f’dawn l-affarijiet.

36. Robert Abela: ħaqqu prosit tal-apoloġija, anke jekk prevedibilment qanqlet reazzjoni fil-PL. Anzi, minħabba f’hekk, prosit doppju.

37.  Robert Abela: Meta se jagħmel dmiru u jneħħi lil Zammit Lewis minn Ministru?

38.  Robert Abela: mill-ewwel sab l-iebes – il-Covid, il-mewt ta’ Miriam Pace eċċ. S’issa, bħala PM ġaħġaħha, imma mhux li bbrilla wisq.

39.  Alfred Sant: Talli ċċivilizza lill-MLP u qaċċat lill-vjolenti, kapaċi naħfirlu anke tal-abort, kważi. Imma kważi biss.

40.  Alfred Sant: Il-patti max-xitan fil-politika moda li daħħalha hu?

41. Il-PL: fis-snin 70 u 80, kien soċjalista imma mhux demokratiku. Illum liberali roża ċar.

42.  Desmond Zammit Marmarà: alkoħol rari nixrob, imma jekk niltaqa’ miegħu lest inħallaslu birra, tnejn u anke tlieta.

43.  Desmond Zammit Marmarà: jistħoqqlu monument il-kwartieri tal-PL, avolja hemm min jixtieq jarmalu forka.

44.  Arnold Cassola: jindaħal f’kollox,  jikkummenta fuq kollox, imma ħafna drabi allaħares ma jkunx hu.

45.  Simon Mercieca: għadni ma nistax niddeċiedi jekk għandux Alla għalih, jew hux  qiegħed jgħaddi ż-żmien bin-nies u bih innifsu.

46. Graffiti: iqanqlu fija ambivalenza bla tarf. L-ambjent u l-abort - Alla u x-xitan, in-nar u l-ilma.

47.  Fr. David Muscat: tassew intelliġenti, fidi qawwija – imbagħad imur jingħaqad mal-lemin razzista u anti-semita!

48.  Marie-Louise Coleiro Preca: bħala Ministru ġieli ndaħlet fejn ma jesagħhiex. Illum imissha titkellem aktar fuq il-kwistjonijiet kontroversjali.

49.  Ġorġ Abela: ħasra li ibnu l-PM, għax fehemtu fuq kwistjonijiet soċjo-politiċi kienet tiswa ħafna.

50.  Jien: Nixtieq li qabel immut il-kuxjenza tħallini nerġa’ nivvota lil-Labour.

Monday 9 August 2021

Ġaħan fil-Klassi

Ftit kienu dawk li rnexxielhom jirreżistu t-tentazzjoni li jiżżuffjettaw, jiddieħku, jew jiċċajtaw bil-‘’ġaħan’’ ta’ Edward Zammit Lewis. Jien bħal kważi kulħadd għamilt. Meta okkażjoni ta’ satira bħal din tidher quddiemek fuq platt tad-deheb mhux dejjem faċli jkollok is-sinsla li taqdef kontra l-kurrent u tirrifletti sew fuq l-implikazzjonijiet kollha tal-biċċa qabel tibda tfajjar l-istatuses fuq Facebook.

Imma f’xi ħin is-sens jew il-kuxjenza jew ma nafx xiex jaqbdek minn xagħrek b’ġibda iktar qawwija minn ta’ Chiellini fuq Saka u jkollok tieqaf ħesrem u tħaddem in-newroni. Imbagħad tara dak li, kieku kont onest daqs kemm tħobb timmaġina li int,  missek intbaħt bih żmien qabel.

Edward Zammit Lewis  - x’għarukaża, imissu jistħi, ara veru Laburist trid tkun  - għajjar lil dawk li ma vvutawlux “ġaħan’’, u lil sħabu li sabu ruħhom fil-Parlament imbagħad fil-Kabinett ‘’tfal u pożi’’. Ma kienx messaġġ fiċ-chat ma’ Yorgen Fenech! Il-midja soċali xegħlu.

Bosta skandalizzaw ruħhom bil-lingwaġġ insolenti fuq ħutu fil-politika, li, msieken, saru vittmi bla ħila innoċenti ta’ politiku egoċentriku u nieqes minn kull ħjiel ta’ diċenza. Oħrajn għoġobhom jagħfsu fuq kemm kellhom raġun jgħidu, jtennu u jtelltu li l-votanti Laburisti iġħna/ġħanan li ma jitgħallmu b’xejn għax moħħ m’għandhomx, qatt ma kellhom u ma jistax ikollhom – u li Malta bla tama u rasha ‘l isfel għat-telfien.

Ngħidha mill-ewwel li l-imġiba ġenerali u partikulari ta’ Zammit Lewis fil-konfront ta’ Yorgen Fenech hija tat-tqalligħ – minn diversi punti di vista. Mhix denja ta’ politiku serju u jmissu jirriżenja llum qabel għada. Ma nistax nifhem kif Robert Abela għadu ma tahx daqqa ta’ sieq fuq sormu u qalftu ‘l barra. Veru li min jaf kemm kien hemm politiċi oħra (inklużi tal-PN) li lagħqu lin-negozjanti huma wkoll (għal xi sponsorship ta’ xi attività jew xi pellegrinaġġ), imma ladarba nkixef jilgħaq bla mistħija lil negozjant sid ta’ kumpanija b’dell ta’ korruzzjoni fuqha ma jistax jibqa’ Ministru.  Sostanzjalment nappoġġja l-kampanja ta’ Repubblika (li mhix għaqda li nammira wisq) li tridu jwarrab jew jitwarrab.

Però, fuq il-biċċa ta’ "ġaħan’’ ta’ min ifettaq naqra. Il-"ġaħan Laburist'' ħarbex Zammit Lewis. 

X’ikun ''ġaħan’’ f’dan il-kuntest? Mill-bqija tal-kitba ta’ Zammit Lewis donnu jidher li ‘’ġaħan’’ ikun dak li mhux kapaċi jagħraf kandidat intelliġenti u maqtugħ għall-politika, imma jivvota lil individwi anke inferjuri skont jekk ikunux qdewh jew le. Naturalment Zammit Lewis kien qiegħed jipprova jispjega lilu nnifsu – u lil sieħbu li tant jammira – għaliex hu fl-2017 tela’ biss fl-elezzjoni każwali u tilef Ministeru. U għajjar lil-votanti li ma ftakrux fih ''ġaħan’’.

Tgħid Zammit Lewis l-uniku politiku fl-istorja li fil-privat waħħal fin-nuqqas ta’ kapaċità intellettwali u morali tal-votant biex jispjega għaliex mar ħażin fl-elezzjoni jew baqa’ l-art? Għax din l-ispjegazzjoni (m’iniex se ngħidilha skuża għax issib element ta’ verita fiha) xbajt nismagħha fin-nofs seklu li ili interessat fil-politika. Bħalissa qed naħseb fuq xi tużżana politiċi li ntqal hekk fuq is-sitwazzjoni tagħhom meta marru ħażin. Niftakar li Ġorġ Hyzler tal-PN fl-1987, Alla jaħfirlu. Tela’ bi sbrixx. Imbagħad – kien Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, jekk niftakar sew - bena Poliklinika Ħal-Qormi, il-qalba tad-distrett elettorali, u fl-elezzjoni ta’ wara tela’ sparat. Biex ma nsemmix lill-mibki Pawlu Xuereb. U lil Louis Galea. U oħrajn.

Naturalment ħadd minnhom ma kien magħruf li għajjar lill-votanti ‘’ġaħan’’. Imma l-kanvassers u l-ħbieb tagħhom bejn wieħed u ieħor l-istess bħal Zammit Lewis kienu jgħidu. U ma kinux jeżistu chats dak iż-żmien. Zammit Lewis lagħaqi. Imma xortih ħażina wkoll.

Ironikament dak li qed jgħid Zammit Lewis u li xeba’ jaqla’ fuq rasu minħabba fih, huwa eżatt dak li qed jgħidu - u ilhom - ħafna sostenituri tal-PN u tas-Soċjeta Ċivili fuq il-votanti Maltin li jivvutaw lill-PL. Kważi kważi li huma speċje inferjuri li tivvota skont min jaqdiha u tinsa l-ordni morali u estetiku – jew jiġu għala bieb għajnhom minnu. Spjegazzjoni komda għal kulħadd. Imma jekk tinqabad tgħidha meta tkun kandidat, ħoll xagħrek. U ġib kusejn jew tlieta żejt.

Dawk il-‘’ġaħan’’ li llum jivvutaw lill-PL (u għada se jerġgħu), bil-fors li ħafna minnhom kienu darba jappoġġjaw lill-PN, għax kieku dan ma kienx idum fil-Gvern kwart ta’ seklu. Kif spiċċaw mal-PL u mhux lesti li jiċċaqalqu? X’kien dak li ''ġaħħanhom’’? Jew kienu “ġaħan” diġà meta kienu mal-PN?

Bħalissa l-PN jidher li riesaq lejn it-tielet tkaxkira in fila. Bernard Grech qed jagħmel minn kollox biex barra li "isalva lil Malta’’, forsi, b’xi miraklu, jillimita t-telfa għal inqas minn 25,000 u jsalva ġildu - jew għall-anqas wiċċu.  Biex jagħmel hekk għandu bżonn li jattira lejn il-PN ftit eluf li l-aħħar elezzjoni vvutaw lill-PL. Imma bl-istħarriġ konsistentement juri li l-PL se jirbaħ b’mill-inqas kemm rebaħ fl-2013 u l-2017, jidher li l-‘’ġaħan’’ se jibqa’ d-dar u mhux se joħroġ, jiġbed il-bieb warajh u jaqsam it-triq għal għand il-PN.

Naturalment, il-PN dejjem jista’ jikkuntenta bil-kwalità tal-votanti, jekk mhux bil-kwantità. Jew forsi, is-sostenituri l-aktar voċiferi tiegħu jistgħu jwarrbu r-retorika klassista, jigdmu lsienhom u juru ftit aktar rispett lejn il-votanti Laburisti. Inqas ma jtellgħu ħitan klassisti, iktar ikun hemm ċans li tlieta ma jsirux erbgħa.

L-Italja, Haiti u l-Patt Imxajtan.

Ħ amsin sena ilu, it-Tazza tad-Dinja tal-futbol saret il-Ġermanja. Kienet l-edizzjoni li tibqa’ minquxa fl-imħuħ tad-dilettanti   għaliex fi...