Inqiegħed rasi taħt mannara li m’hawnx Malti jew Maltija – jew anke barrani li ilu jgħix Malta għal xi snin - li ma jafx sew din l-għanja tal-Milied li minn hawn u ftit jiem oħra tibda tidwi madwarna u ġo moħħna kważi bla waqfien. Kantajnieha elf darba bħala tfal, għallimnieha lil uliedna u, naħseb, b’ċertu sens ta’ kburija – għall-inqas dawk li fostna li ma barrewx għal kollox il-karattru Malti tal-festi tal-Milied – nqisuha bħala għanja ‘tagħna’, li twieldet minn fostna u twassal ħsus Maltin imnebbħa mill-iktar avveniment straordinarju fl-istorja tal-bniedem.
Fil-fatt il-kliem tal-għanja – li, għalkemm nafuha bħala Ninni La Tibkix iżjed sewwasew jisimha Il-Benniena ta’ Ġesù Bambin – tassew ħarġu minn pinna Maltija. Kien raħeb Ġiżwita, Patri Indrì Schembri minn Ħal-Luqa li kitibhom, għall-ħabta ta’ nofs is-seklu dsatax. Schembri kien kitibha biex titkanta mill-Maltin ta’ Tuneż, li dak iż-żmien kienet miżgħuda emigranti minn pajjiżna.
U l-mużika? Milli jidher, għal ħafna snin ma konniex ċerti minn fejn tnisslet il-melodija. Schembri kien jagħmel parti minn komunità tal-Ġiżwiti fl-Afrika ta’ Fuq li fost il-membri tagħha kienet tgħodd diversi rħieb u studenti minn pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant. Kien hemm min kien jgħid li Schembri kien “issellef” il-melodija mingħand xi ħadd minnhom, jiġifieri semgħu ikantaha, għoġbitu u ispiratu li jikteb għanja tal-Milied għall-Maltin ta’ Tuneż. Imma ħadd ma kien jaf eżatt – jew għallinqas hekk nafha jien l-istorja.
Imma, b’kumbinazzjoni kbira, madwar 20 sena ilu jew aktar intefa’ dawl fuq il-misteru b’mod li tassew ma tistennihx.
Irrid nippreċiża li dan li se nikteb ibbażat fuq artiklu bil-Malti li kont qrajt fuq ġurnal lokali. Ma nistax niftakar la min kitbu u lanqas biss liema ġurnal kien – għalkemm għandi l-impressjoni li kien il-Ġens (nittama li mhux qed inħawwad dan il-ġurnal mal-predeċessur tiegħu il-Ħajja).
L-awtur kiteb li ftit taż-żmien qabel kien qed jara t-televiżjoni Taljana u inzerta program li fih ħadet sehem l-attriċi tal-porno Cicciolina. Le, ma kienx xi film jew spettaklu professjonali minn tagħha, imma sempliċiment programm innokwu li fih kienet waħda mill-mistednin. F’dan il-programm talbuha tkanta għanja tradizzjonali ta’ pajjiżha u s-Sinjura Ilona Staller – dak hu isem Cicciolina – bdiet tkanta bl-Ungeriż. B’għaġeb kbir tal-awtur ta’ dan l-artiklu, il-melodija kienet l-istess waħda tan-Ninni La Tibkix Iżjed.
Trid tkun Malti biex tapprezza l-ironija li toħroġ mill-inkongruwenza tat-tifsira u l-konnotati tal-għanja għall-Maltin u l-arti tas-sinjura Staller magħrufa aħjar bħala Cicciolina. Ikolli nistqarr li minn mindu qrajt dan l-artiklu, din l-għanja m’għadhiex tnebbaħ fija l-ispirtu ta’ devozzjoni bħal qabel…
Jisgħobbija qatigħ li dak l-artiklu ma kontx żammejtu, imma dak iż-żmien ma kontx interessat fil-Malti u dak kollu konness miegħu daqs kemm jien illum. Jekk xi ħadd għandu iktar informazzjoni fuq in-nisel ta’ din l-għanja u jogħġbu jaqsamha mal-qarrejja ta' dan il-blogg, nibqa’ nafhulu.
11 ta' Diċembru 2011: Mil-lbieraħ 'l hawn waslitli informazzjoni importanti. 99% mhux artiklu fil-Ġens li kont qrajt, imma ittra fis-Sunday Times miktuba fl-24 ta' Lulju 1988 minn dak li llum huwa l-Professur Manwel Mifsud, l-ikbar espert tal-Malti ta' żmienna. L-ittra turi li Patri Indrì Schembri kien fil-fatt ippubblika l-kliem fl-1864 (sitt snin qabel ma miet), ma' għadd ieħor ta' innjiet u poeżiji reliġjużi, f'Ġemgħa ta' Kliem Imqaddes li Jingħad mill-Maltin tal-Alġier.
Il-programm li fuqu Cicciolina - dak iż-żmien Membru Parlamentari Radikali - kienet kantat l-għanja tradizzjonali Ungeriża kien Il Testimone ta' Giuliano Ferrara, li kien jixxandar fuq Rai Due. Ma kienx il-Professur Mifsud stess li semagħha, imma koppja ħbieb tiegħu, li wara qalulu bil-biċċa. Kienu baqgħu imbellhin bix-xebh bejn dak li kienet qed tkanta Cicciolina u l-melodija ta' Ninni, La Tibkix Iżjed.