Hemm min tinnutah għax
storbjuż, jew għax kapaċi jsostni argument bil-qawwa u ma jħalli lil ħadd
jgħaddiha lixxa jekk ikun żbalja. Hemm min tibqa’ tiftakru għax kelma l-istonku tiegħu
ma jesagħhiex u li jidhirlu li għandu jgħid ilissnu dejjem, ikunu x’ikunu l-konsegwenzi.
Seħibna K. kien bil-maqlub ta’
dan kollu: kwiet, imma mhux ġwejjed, meqjus fi kliemu, jisma’ lil kulħadd u
jixtarr dak li jkun intqal. Ma kienx jitkellem wisq, imma meta kien jiftaħ
ħalqu, kulħadd kien jisma’ b’attenzjoni għax konna nafu li minn fommu kliem
bis-sens biss joħroġ – u dejjem bil-ġentilezza. Fi kważi kwart ta’ seklu li kont
ili nafu, tul il-mijiet ta’ laqgħat li attenda qatt, lanqas darba, ma niftakar
li smajtu jgħolli leħnu. Anke meta ma konniex naqblu fuq kemm ilu wieqaf mill-alkoħol
u l-argument bilkemm ma kienx jisħon - għax hu kien konvint li waqaf 20 sena ilu, u jien kont ngħidlu 18 - kien
jirrita ruħu, imma ġentili kien u ġentili baqa’ anke f’dawk il-mumenti...
Tfaċċa l-ewwel darba fil-gruppi
tagħna xi 25 sena ilu. Kien irrealizza waħdu li kellu problema serja tax-xorb,
minħabba l-ammonti li kien jixrob, għax ma setax ma jixrobx u għax il-kontroll,
anke fuq l-ammont li kien iniżżel kien ilu li ntilef. Tal-familja qatt ma gergrulu –
wieħed mill-ftit ħafna - għax qatt ma dejjaqhom. Kwiet u ġentili meta ma jixrobx
u, ħaġa tassew tal-għaġeb, kwiet u ġentili anke meta l-alkoħol jieħdu. Imma
sens kellu, iktar minn biżżejjed, u fittex l-għajnuna. Kien jiġi l-gruppi u
jitkellem fuq ħajtu fix-xorb b’onestà kbira, imma wara disa’ xhur għeb. Kont
ċempiltlu u qalli li reġa’ beda jixrob u kien qiegħed isibha bi tqila biex
ikompli jiġi. Dak iż-żmien ma rnexxilix nikkonvinċih jiġi lura.
Ma kinitx ħafifa għalih; l-alkoħoliżmu
kien f’demmu, u minħabba x-xogħol tiegħu kien imdawwar bix-xorb tista’ tgħid
kuljum. Imma reġa’ waqaf u rġajna rajnieh fil-grupp. Wara erba’ xhur reġa’
sparixxa – naturalment għax kien irkada.
Fl-aħħar kien ix-xorb stess li
waqqfu, biex ngħid hekk. Minħabba
l-alkoħol, tant ħżienet il-kundizzjoni fiżika tiegħu li kellu jiddaħħal l-isptar. Tatu taqliba kbira bl-alluċinazzjonijiet
b’kollox (delirium tremens) u matul il-lejl kellhom jorbtuh mas-sodda. Meta ġie
f’tiegħu il-messaġġ tat-tobba kien aħrax, jaqta’ u bla kantunieri: “Jeħtieġ li
tieqaf mix-xorb u mis-sigaretti...minnufih. Għal kollox. Ma tmiss xejn iktar
kemm iddum ħaj’’.
Meta mar lura d-dar, ħabat se
jaqta’ qalbu: li jieqaf mix-xorb biss kienet iebsa, imma mis-sigaretti wkoll,
fl-istess ħin, dehret impossibbli. Min hu dipendenti bis-serjetà biss jista’
jifhem kemm hija wieqfa l-muntanja li jkollok tixxabbat magħha meta tipprova
tieqaf. K. kellu tnejn ma’ xiex jiddendel. Kien inċert, mifxul u mbeżża’.
Imbagħad ċempel it-telefon.
Kienet social worker minn sedqa.
Kienu rreferewlha l-każ mill-isptar u kkuntattjatu biex jiltaqgħu. Għamlitlu l-qalb
u wrietu li għalkemm iebsa, ma kienx impossibbli li jagħmel dak li
rrikkmandawlu t-tobba jekk kien lest li jipprova bis-serjetà. Baqgħet tarah
regolarment u tatu l-appoġġ kollu meħtieġ. Fuq kollox, ħeġġitu biex jerġa’
jibda jattendi l-gruppi.
Did-darba l-esperjenza kerha li għadda
xprunatu biex jieħu l-kura għall-alkoħoliżmu b’serjetá kbira: kien jaf li kien
hemm ħajtu fin-nofs. Fil-gruppi minn dejjem kien jagħti kontribut siewi; issa
sar aktar ħerqan biex jesprimi ħsibijietu biex juri lill-oħrajn l-importanza li
jkun moħħhom hemm u jżommu ‘l bogħod mill-ewwel boqqa alkoħol. Stajt tinduna li,
bħal kull min jieħu l-kura u l-gruppi bis-serjetà, bi kliemu kien qed jipprova
jsaħħaħ ir-rieda tiegħu stess.
M’hemmx dubju li rnexxielu. Jekk
kinux 18-il sena jew 20 mhux importanti wisq. Li jgħodd hu li minn dakinhar li
daħal l-isptar sa dak in-nhar li l-Mulej sejjaħlu ma messx qatra alkoħol ma’
ħalqu u, minħabba f’hekk seta’ jaħdem fuqu nnifsu u jirranġa ħajtu, jagħti
aktar ħin u attenzjoni lill-familja – u jkun fi stat fejn moħħu jkun ċar
il-ġurnata kollha.
Mas-snin tgħallimna li, fil-qasam tad-dipendenza, forsi l-ikbar prova li l-kura u r-riabilitazzjoni qed jagħtu l-frott, hija li dak li jkun ikun kuntent li mhux qed jixrob, u sodisfatt bil-ħajja li qed jgħix. Mhux ħieles mill-problemi – dak qatt ma jista’ jkun – imma moħħu mistrieħ li jinqala’ x’jinqala’ se jkun jista’ jiffaċċjah moħħu frisk u bl-enerġija kollha li għandu. K. kien sodisfatt ħafna bil-ħajja bla xorb; kien jgħidha, jtenniha u jagħmel minn kollox biex iħajjar lil sħabu jilħqu dak l-istat u jissaħħu fih.
Bħal kull min ir-riabilitazzjoni tħalli fuqu effett pożittiv, K. kien
grat ħafna għal dak li kiseb bil-waqfien mix-xorb. Lis-social worker li
appoġġjatu f’mument kruċjali u għenitu
jaqbad it-triq li wasslitu biex isisb tarf tal-problema tax-xorb baqa’
jsemmiha sal-aħħar gruppi li attenda.
Anke l-marda li ġiet fuqu xi
seba’ snin ilu qatt ma wasslitu għad-disprament. Ħolqitlu diffikultajiet kbar
f’saħħtu, imma ffaċċja kollox b’kuraġġ u determinazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar
ħaditlu ħajtu, imma kien seren għax kien jaf li kulma ma seta’ jagħmel kien
għamlu. Il-familja tiegħu appoġġjawh u daru miegħu b’mod eżemplari.
K. kien maħbub u rrispettat ħafna
minn sħabu tal-grupp tal-alkoħol. Ma stajtx ma tħobbux. Bil-ġentilezza tiegħu
kien jasal biex jikkonvinċi aktar minn dawk mimlijin ħrara li kultant kienu
jħallu l-entużjażmu jiġri bihom. Bħal ħafna, dam jikkumbatti sakemm waqaf
mix-xorb, imma imbagħad waqaf, baqa’ wieqaf u għex ħajja sħiħa, iddedikata
lill-familja, mingħajr qatt ma naqas li jipprova jagħti daqqa t’id lil min
kellu l-istess problema.
Dawk li kienu jafuh setgħu
jgawduh fl-aqwa tal-ġentilezza tiegħu mingħajr xorb għal żmien twil: 18-il sena
sħaħ. Jew forsi 20.