Friday 6 May 2022

Għaliex Ġunju jiġi qabel Mejju...

Kull min iħobb il-futbol Taljan jaf li, fil-5 ta’ Mejju, inkitbet waħda mill-paġni tal-istorja li ma jintesewx. Il-futbol infittxuh u nsegwuh b’passjoni għal ħafna raġunijiet; waħda minnhom għax għal min hu dilettant sew għandu sett ta’ regoli, anke ta’ mġiba, differenti mill-bqija tal-ħajja. Normalment mhux sewwa li titgħajjar, tifraħ bid-deni tal-għadu (lanqas biss mhu suppost li jkollok għadu) u tibqa’ tfakkru fit-telfiet u l-umiljazzjonijiet waqt li inti togħxa.  Imma fil-futbol, anke għax għandu mit-teatru u t-teatrin, u anke mill-finzjoni tan-narrativa, ix-Schadenfreude (li tħossok sodisfatt bl-umiljazzjoni tar-rival) mhux biss huwa permess, imma talli huwa wieħed mill-aspetti li jiġbdu n-nies lejh u jsaħħaħ is-sens ta’ appartenenza ma’ team partikulari.

Kultant nistaqsi lili nnifsi: x’inhu l-aktar li jagħti pjaċir, il-kisba tar-rebħa jew li tkun taf li l-avversarji storiċi jew reċenti jinsabu imdejqin bil-kbir minħabba r-rebħa tat-tim “tiegħi’’? Il-Juventus rebħu (uffiċjalment) 36 scudetto, imma għaliex infakkru dak li ntrebaħ għoxrin  sena ilu u rari insemmu l-oħrajn? Proprju, naħseb, għax kienet rebħa sensazzjonali għal Juventus – imma aktar għax kien mument ta’ dwejjaq kbar, indannazzjoni, għal ‘’dawk’’. Ix-xbiha ta’ dakinhar li baqgħet stampata fil-memorja ta’ ħafna Juventini, mhix iċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa mhux mistennija, imma ta’ Ronaldo jnewwaħ...

Imma diġa bdejt nintilef għax suppost qed nikteb fuq il-fatt li l-jum memorabbli tal-5 ta’ Mejju 2002 mhuwiex uniku fl-istorja tat-trijonfi Juventini. Kien hemm scudetto ieħor – minn dawk li niftakar jien - li ntrebaħ prorpju fl-aħħar partita meta t-tim kien punt taħt l-avversarji, li rnexxielhom jitilfu ma’ tim dgħajjef. U anke dik id-darba, l-avversarji miġruħa u umiljati inzertaw ‘’dawk’’.

Kont bdejt nżomm mal-Juventus ta’ ħames snin. Kollu t-tort ta’ ċertu Stephen, Alla jaħfirlu. Kien joqgħod fit-triq tagħna u kien xi tliet snin, erbgħa ikbar minni. Dak iż-żmien, il-futbol kien jinltagħab fit-toroq, għalkemm kull nofs siegħa jew tliet kwarti l-logħba kienet titwaqqaf biex tgħaddi xi karozza. Lili ma kinux iħalluni nilgħab magħhom għax kont żgħir wisq u kont inħares lejhom mill-għatba tal-bieb, imxennaq u noħlom li nikber ħalli nkun nista’ nilgħab jien ukoll. F’għajnejja Stephen il-ġar kien l-aħjar player u billi hu jien iżomm mal-Juventus bdejt inżomm magħhom ukoll. Iktar ma bdejt nikber, iktar bdejt ninteressa ruħi, naqra l-gazzetti u nisma’ l-isport fuq ir-Rediffusion (Carmelo Costa, Louis Portelli)  - u nixrob kull kelma li nisma’ fuqhom.

Il-Ħamis l-1 ta’ Ġunju 1967: kelli ħdax-il sena u kont wasalt biex nispiċċa l-ewwel sena tal-Liċeo. Bħal dejjem, kull filgħaxija kont mistenni mmur nisma’ l-quddiesa, imma bħalma kien ili nagħmel xhur minn mindu tfarfart, kont nidħol il-Knisja ħalli nara min qaddes u x’kulur kien liebes – fil-każ li l-ġenituri jiddeċiedu li jagħmluli interrogazzjoni – u l-ħin ngħaddih nilgħab jew inpaċpaċ fuq iz-zuntier. Dakinhar moħħi ma tantx kien fil-logħob ma’ sħabi, imma fuq x’kien qed jiġri fil-grawnds tal-futbol tas-Serie A. L-aħħar ġurnata kienet qiegħda tintlagħab proprju waqt il-ħin tal-quddiesa. "Dawk'' kienu t-tim li ddomina l-futbol Taljan f’nofs is-snin sittin – u kellhom players mill-aqwa: Facchetti, Jair, Mazzola, Suarez. Il-Juventus kien ilhom ma jirbħu l-iscudetto sitt snin u t-tim kien meqjus bħala wieħed mhux ta’ klassi, partikolarment fuq quddiem.

Il-Juventus, punt wara l-Inter, kien imisshom home ma’ Lazio li kienu ‘l isfel ħafna fil-klassifika. Ir-rivali kellhom jilqgħu lil Mantova f’San Siro – logħba li kulħadd stenna li kienu se jiddominaw u jirbħu mingħajr diffikultà. Mela, ma nistax ngħid li kelli qalbi qawwija; anzi, tista’ tgħid kont kważi rassenjat li ‘’dawk’’ kienu se jirbħu r-raba’ scudetto fi żmien ħames snin waqt li l-Juventus, għas-sitt sena infila kienu se jibqgħu b’xiber imnieħer. Imma, sakemm nisma’ r-riżultat, xrara ta’ tama x’imkien fl-irkejjen ta’ moħħi kien hemm.

Ħin minnhom jitfaċċa fuq iz-zuntier Ġanni s-Sagristan u qal lill-grupp ta’ tfal u ħabbrilna "l-Inter 1-0 minn taħt u l-Juventus qed jirbħu 1-0’’. Għal sekonda jew tnejn qalbi waqfet. Ħarist lejn l-oħrajn, imma ħadd ma kien interessat wisq. M’għidt xejn imma irreaġixxejt istintivament. Ġrejt ġol-knisja, u dħalt f’nofs il-quddiesa, noffri li baqa’ minnha għall-bżonnijiet tal-Bianconeri...

Kif spiċċat lebbitt b’kemm Alla tani saħħa lejn id-dar. Wara ftit, fuq it-televixin Schaub-Lorenz abjad u iswed – missieri kien għamel ix-xhur jagħmel is-sahra biex stajna nixtruh – tħabbar ir-riżultat: il-Juventus rebħu 2-1 u l-Inter tilfu 1-0. Għall-Juventus kienu żewġ daqqiet ta’ ras (Bercellino, Zigoni) li tawhom iż-żewġ punti.

L-Inter għamlu partita jattakkaw, imma ma skurjawx. Il-Mantova rari qabżu nofs il-grawnd, imma fil-bidu tat-tieni taqsima Di Giacomo (ex-Inter!) ikkrossja minn fuq ix-xellug. Il-goalkeeper tal-Inter Sarti deher se jinterċetta mingħajr diffikultà, imma b’għaġeb ta’ kulħadd, il-ballun spiċċa fix-xibka. Il-filmat tal-logħba li rajna fuq it-TV diversi drabi fix-xhur ta’ wara illum ħadd ma jaf x’sar minnu sewwa. Aktarx li nqered fi ħruq fil-bini tar-Rai, flimkien ma diversi filmati prezzjużi oħra (fosthom tal-festival ta’ San Remo tal-1967).

Kien it-tlettax-il scudetto għal Juve, l-uniku wieħed li rbaħna taħt Heriberto Herrera, il-kowċ Paragwajan, meqjus bħala ''sergente di ferro’’, li mexxa lit-tim bejn l-1964 u l-1969. Hawn min iqisu bħala wieħed mill-prekursuri tal-logħba moderna: il-kelma li kontinwament kien jindirizza lejn il-players wat it-taħriġ u waqt il-logħob kienet “movimiento’’. Kellu jkun hemm perjodu xott ta’ 5 snin qabel ir-rebħ ta’ trofew ieħor.

Sarti – le, ma kienx jiġi n-nannu ta’ Radu – li kellu rekord impekkabbli, aqta’ dak l-iżball madornali li rregalalna l-Iscudetto, wara sena mar ma’ Juve bħala r-riżerva ta’ Anzolin. Ħalla din id-dinja xi ħames snin ilu.

Għall-Inter kien staġun diżastruż. Ġimgħa qabel it-telf tal-iscudetto kważi mirbuħ kienu tilfu l-final taċ-Champions’ Cup kontra Celtic. Ftit ġranet wara nqalgħu wkoll mill-Coppa Italia. Kien staġun ta’ ‘’zeru tituli’’, imma, agħar minn hekk, kien jidher ċar li kien wasal tmiem l-epoka tad-deheb tagħhom li fiha kienu qalgħu t-timbru ta’ ‘’grande Inter’’.

U dak it-tifel ta’ ħdax-il sena li fl-ewwel ta’ Ġunju offra nofs quddiesa għall-bżonnijiet tat-tim favorit - li, imbagħad, rebaħ il-league - għadu supporter tal-Juventus sal-lum. Minn dakinhar, it-tim rebaħ ruxxmata trofej, imma niddubita jekk qattx ħassejtni daqshekk eċċitat u kburi daqs dakinhar meta ħadna dak l-iscudetto minn ħalq ir-rivali storiċi.

3 comments:

  1. Qrajtu kollu Manuel ghalkemm ftit li xejn jinterressani il futball hlief meta jilghabu sewwa il-Milan u dan biex nara it-tifel jiehu gost! Narrattiva sabiha hafna . Proset tassew.

    ReplyDelete
  2. Bilhaq jien Pauline u mhux anonymous.

    ReplyDelete
  3. Grazzi, Pauline.

    ReplyDelete

Sakranazz bir-Raġġiera?

Xi xhur ilu, f'dan il-blogg kont ktibt artikolett    fuq il-qaddisin patruni ta’ dawk li qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi ta’ dipendenza...