Saturday 2 July 2022

Ġentili

Hemm min tinnutah għax storbjuż, jew għax kapaċi jsostni argument bil-qawwa u ma jħalli lil ħadd jgħaddiha lixxa jekk ikun żbalja. Hemm min tibqa’ tiftakru għax kelma l-istonku tiegħu ma jesagħhiex u li jidhirlu li għandu jgħid ilissnu dejjem, ikunu x’ikunu l-konsegwenzi.

Seħibna K. kien bil-maqlub ta’ dan kollu: kwiet, imma mhux ġwejjed, meqjus fi kliemu, jisma’ lil kulħadd u jixtarr dak li jkun intqal. Ma kienx jitkellem wisq, imma meta kien jiftaħ ħalqu, kulħadd kien jisma’ b’attenzjoni għax konna nafu li minn fommu kliem bis-sens biss joħroġ – u dejjem bil-ġentilezza. Fi kważi kwart ta’ seklu li kont ili nafu, tul il-mijiet ta’ laqgħat li attenda qatt, lanqas darba, ma niftakar li smajtu jgħolli leħnu. Anke meta ma konniex naqblu fuq kemm ilu wieqaf mill-alkoħol u l-argument bilkemm ma kienx jisħon - għax hu kien konvint li waqaf 20  sena ilu, u jien kont ngħidlu 18 - kien jirrita ruħu, imma ġentili kien u ġentili baqa’ anke f’dawk il-mumenti...

Tfaċċa l-ewwel darba fil-gruppi tagħna xi 25 sena ilu. Kien irrealizza waħdu li kellu problema serja tax-xorb, minħabba l-ammonti li kien jixrob, għax ma setax ma jixrobx u għax il-kontroll, anke fuq l-ammont li kien iniżżel kien ilu li ntilef. Tal-familja qatt ma gergrulu – wieħed mill-ftit ħafna - għax qatt ma dejjaqhom. Kwiet u ġentili meta ma jixrobx u, ħaġa tassew tal-għaġeb, kwiet u ġentili anke meta l-alkoħol jieħdu. Imma sens kellu, iktar minn biżżejjed, u fittex l-għajnuna. Kien jiġi l-gruppi u jitkellem fuq ħajtu fix-xorb b’onestà kbira, imma wara disa’ xhur għeb. Kont ċempiltlu u qalli li reġa’ beda jixrob u kien qiegħed isibha bi tqila biex ikompli jiġi. Dak iż-żmien ma rnexxilix nikkonvinċih jiġi lura.

Ma kinitx ħafifa għalih; l-alkoħoliżmu kien f’demmu, u minħabba x-xogħol tiegħu kien imdawwar bix-xorb tista’ tgħid kuljum. Imma reġa’ waqaf u rġajna rajnieh fil-grupp. Wara erba’ xhur reġa’ sparixxa – naturalment għax kien irkada.

Fl-aħħar kien ix-xorb stess li waqqfu, biex ngħid hekk.  Minħabba l-alkoħol, tant ħżienet il-kundizzjoni fiżika tiegħu li kellu jiddaħħal l-isptar. Tatu taqliba kbira bl-alluċinazzjonijiet b’kollox (delirium tremens) u matul il-lejl kellhom jorbtuh mas-sodda. Meta ġie f’tiegħu il-messaġġ tat-tobba kien aħrax, jaqta’ u bla kantunieri: “Jeħtieġ li tieqaf mix-xorb u mis-sigaretti...minnufih. Għal kollox. Ma tmiss xejn iktar kemm iddum ħaj’’.

Meta mar lura d-dar, ħabat se jaqta’ qalbu: li jieqaf mix-xorb biss kienet iebsa, imma mis-sigaretti wkoll, fl-istess ħin, dehret impossibbli. Min hu dipendenti bis-serjetà biss jista’ jifhem kemm hija wieqfa l-muntanja li jkollok tixxabbat magħha meta tipprova tieqaf. K. kellu tnejn ma’ xiex jiddendel. Kien inċert, mifxul u mbeżża’. Imbagħad ċempel it-telefon.

Kienet social worker minn sedqa. Kienu rreferewlha l-każ mill-isptar u kkuntattjatu biex jiltaqgħu. Għamlitlu l-qalb u wrietu li għalkemm iebsa, ma kienx impossibbli li jagħmel dak li rrikkmandawlu t-tobba jekk kien lest li jipprova bis-serjetà. Baqgħet tarah regolarment u tatu l-appoġġ kollu meħtieġ. Fuq kollox, ħeġġitu biex jerġa’ jibda jattendi l-gruppi.

Did-darba l-esperjenza kerha li għadda xprunatu biex jieħu l-kura għall-alkoħoliżmu b’serjetá kbira: kien jaf li kien hemm ħajtu fin-nofs. Fil-gruppi minn dejjem kien jagħti kontribut siewi; issa sar aktar ħerqan biex jesprimi ħsibijietu biex juri lill-oħrajn l-importanza li jkun moħħhom hemm u jżommu ‘l bogħod mill-ewwel boqqa alkoħol. Stajt tinduna li, bħal kull min jieħu l-kura u l-gruppi bis-serjetà, bi kliemu kien qed jipprova jsaħħaħ ir-rieda tiegħu stess.

M’hemmx dubju li rnexxielu. Jekk kinux 18-il sena jew 20 mhux importanti wisq. Li jgħodd hu li minn dakinhar li daħal l-isptar sa dak in-nhar li l-Mulej sejjaħlu ma messx qatra alkoħol ma’ ħalqu u, minħabba f’hekk seta’ jaħdem fuqu nnifsu u jirranġa ħajtu, jagħti aktar ħin u attenzjoni lill-familja – u jkun fi stat fejn moħħu jkun ċar il-ġurnata kollha.

Mas-snin tgħallimna li, fil-qasam tad-dipendenza, forsi l-ikbar prova li l-kura u r-riabilitazzjoni qed jagħtu l-frott, hija li dak li jkun ikun kuntent li mhux qed jixrob, u sodisfatt bil-ħajja li qed jgħix. Mhux ħieles mill-problemi – dak qatt ma jista’ jkun – imma moħħu mistrieħ li jinqala’ x’jinqala’ se jkun jista’ jiffaċċjah moħħu frisk u bl-enerġija kollha li għandu. K. kien sodisfatt ħafna bil-ħajja bla xorb; kien jgħidha, jtenniha u jagħmel minn kollox biex iħajjar lil sħabu jilħqu dak l-istat u jissaħħu fih.

Bħal kull min ir-riabilitazzjoni tħalli fuqu effett pożittiv, K. kien grat ħafna għal dak li kiseb bil-waqfien mix-xorb. Lis-social worker li appoġġjatu f’mument kruċjali u għenitu  jaqbad it-triq li wasslitu biex isisb tarf tal-problema tax-xorb baqa’ jsemmiha sal-aħħar gruppi li attenda.

Anke l-marda li ġiet fuqu xi seba’ snin ilu qatt ma wasslitu għad-disprament. Ħolqitlu diffikultajiet kbar f’saħħtu, imma ffaċċja kollox b’kuraġġ u determinazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar ħaditlu ħajtu, imma kien seren għax kien jaf li kulma ma seta’ jagħmel kien għamlu. Il-familja tiegħu appoġġjawh u daru miegħu b’mod eżemplari.

K. kien maħbub u rrispettat ħafna minn sħabu tal-grupp tal-alkoħol. Ma stajtx ma tħobbux. Bil-ġentilezza tiegħu kien jasal biex jikkonvinċi aktar minn dawk mimlijin ħrara li kultant kienu jħallu l-entużjażmu jiġri bihom. Bħal ħafna, dam jikkumbatti sakemm waqaf mix-xorb, imma imbagħad waqaf, baqa’ wieqaf u għex ħajja sħiħa, iddedikata lill-familja, mingħajr qatt ma naqas li jipprova jagħti daqqa t’id lil min kellu l-istess problema.

Dawk li kienu jafuh setgħu jgawduh fl-aqwa tal-ġentilezza tiegħu mingħajr xorb għal żmien twil: 18-il sena sħaħ. Jew forsi 20.


L-Italja, Haiti u l-Patt Imxajtan.

Ħ amsin sena ilu, it-Tazza tad-Dinja tal-futbol saret il-Ġermanja. Kienet l-edizzjoni li tibqa’ minquxa fl-imħuħ tad-dilettanti   għaliex fi...