Wednesday 5 February 2020

D


Il-messaġġ li qatt ma xtaqt naqra – imma fl-istess ħin kważi ridtu jintbagħat  għax kont naf li kienet qiegħda tbati hi u anke ta’ madwarha – wasal dalgħodu.  D, li sirt nafha iktar minn 20 sena ilu, ħadet l-aħħar nifs matul il-lejl.

Kienet ilha kwart ta’ seklu tikkumbatti max-xorb. Tieqaf, terġa’ tibda, tisparixxi għal ftit, terġa’ titfaċċa determinata li did-darba se tagħmel li hemm bżonn u se jirnexxilha. Għal ftit taż-żmien tibqa’ soda, kważi kulħadd jaħsel jemmen li issa ġabitha żewġ, u wara ftit xhur – u darba minnhom wara tliet snin u fuqhom - nerġgħu koppi.

Imbagħad, erba’ snin ilu, reġgħet ippruvat. U minn dakinhar ma missitx qatra ma’ xufftejha.

Ma kinitx xi konverżjoni bħal ta’ San Pawl fi triqtu lejn Damasku. Ma rat l-ebda raġġ ta’ dawl li għammxilha għajnejha u biddlilha l-mod kif taħseb ħabta u sabta. Għal darb’oħra kienet xebgħet tgħix maħkuma mix-xorb, u riedet terġa’ dduq il-libertà. Ippruvat. Forsi kien id-dehen li jiġi mill-munzell esperjenzi li għaddiet minnhom li wrieha li jkun aħjar jekk tibqa’ għaddejja soda, li żmien l-iskużi għadda u li kienet fid-dmir li turi rispett xieraq lejha nnifisha. U bil-mod saret bidla fiha – bidla ta’ veru.

Il-ħajja ta’ D ma kinitx xorb biss. Għaddiet minn stejjer sbieħ u koroh. Forsi bħal kulħadd, għax kollha kemm aħna kultant nifirħu u kultant nibku, kultant inġibuha żewġ u kultant ngħaxxquha. Imma din il-mara ma kinitx mara kwalunkwe. Għax wildet 3 subien, imma bħalissa hemm ħamest itfal jibkuha.

Kien hemm żmien meta ħuha – ġenitur waħdu – għal snin sħaħ ma setax ikompli jieħu ħsieb iż-żewġ uliedu bniet. D ħadet ir-responsabbiltà tat-trobbija tagħhom hi. Min-naħa tagħna konna ppruvajna nappoġġjawha kif stajna, imma affarijiet żgħar stajna nagħmlu. Kollox fuq spallejha kien. U min jaf lil dawn it-tfal (illum nisa), jaf x’biċċa xogħol għamlet. 

U ma kinitx l-unika darba f’ħajjitha li b’dedikazzjoni u mħabba ħadet ħsieb lil min kellu bżonn. Il-ġurnata minn filgħodu turi: ta’ età żgħira kienet tieħu ħsieb b’dedikazzjoni kbira membru tal-familja li kellu diżabilità serja. Anke tawha premju minħabba f’hekk. Imma għal D l-aqwa premju kien li tħaffef it-toqol ta’ min kien qed ibati.

Fil-gruppi tagħna kien hemm żmien meta kienet tiffrustrana: konna nħossu li kienet kapaċi tieqaf tixrob u ttejjeb ħajjitha, imma għal żmien twil, bħal donnu b’inkejja lilha nnifisha, kienet tara xi skuża se tivvinta biex terġa’ tibda tlegleg . Meta imbagħad kienet tkun wieqfa u għaddejja minn żmien tajjeb, kien ikun fiha għaxqa tismagħha titkellem fuqha nnifisiha b’onestà kbira u tappoġġja lill-oħrajn. Kienet kapaċi tħares ġewwa fiha nnifisħa u toħroġ b’għerf li jgħaġġbek. Bla ma taf għenet ħafna nies, l-aktar għax uriethom li, anke jekk taqa’ elf darba, jekk tibqa’ tipprova fl-aħħar jirnexxilek issib tarf tal-problema u ssewwi ħajtek.

Għandi 1,000 memorja tagħha – il-biċċa l-kbira minnhom ma nistax nirrakkontahom. Imma hemm waħda li ma ninsiha qatt, meta b’leħinha miksur u għajnejha jixegħlu qaltli li kient saret nanna għall-ewwel darba. Għax, anke meta kient tixrob il-familja kienet importanti ħafna għaliha. U tathom kulma setgħet.

Imma li tathom tawhulha lura. Meta mardet daru qaqoċċa magħha u qatt ma kienet nieqsa mill-attenzjoni. Tlett ijiem ilu kont bilqiegħda d-dar tagħha ħdejn sodditha ma’ ħutha u neputija u l-għaqda u s-solidarjetà li rajt hennietli qalbi. Ħin minnhom ġiet f’tagħha, ratni u tbissmitli u, wara,  bdiet tiċċajta ma’ tal-familja. La krib, la qrid, la dwejjaq –avolja kulħadd kien jaf li t-tmiem kien fil-qrib. Kienu jafu x’kellha bżonn dak il-ħin u taw każ tal-bżonnijiet tagħha , mhux li jisfugaw l-ansjetà tagħhom. Ħriġt minn darha b’sens ta’ għaġeb – u gratitudni li assistejt għal xena li ma ninsiha qatt.

Bħalma qatt mhu se ninsa lil D. Mhux biss minħabba t-tlieta u għoxrin sena li ħdimt magħha u mhux biss għax fl-aħħar irnexxielha tieqaf tixrob u tieħu lura f’idejha r-riedni ta’ ħajjitha. Imma għax kelli l-privileġġ li nsir naf mill-qrib mara li batiet u kienet taf tħobb lil kulħadd. U mara li, wara snin twal, irnexxielha tifhem misteru milll-iktar profond: li jekk trid tgħix sew jeħtieġ l-ewwel u qabel kollox titgħallem tħobb lilek innifsek kif xieraq u kif suppost.

Sakranazz bir-Raġġiera?

Xi xhur ilu, f'dan il-blogg kont ktibt artikolett    fuq il-qaddisin patruni ta’ dawk li qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi ta’ dipendenza...