Thursday 2 January 2020

7305

Għoxrin sena ilu bħal-lum, raġel twil mar id-Detox Outpatients ifittex tabib. Kien għad kellu fuqu r-riħa tax-xorb taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millennju. Mhux għax qatt kellu bżonn xi skuża ta' xi festa jew oħra biex ilegleg il-whisky: kien jibda minn filgħodu kmieni u jibqa' sejjer sakemm jidħol id-dar filgħaxija. Ix-xogħol baqa' jmur u dmiru jagħmlu kif suppost, imma l-ħajja tal-familja kienet saret rovina. Il-mara xebgħet bit-toqol fuqha biss u tatu ultimatum: jew tieqaf, jew ninfirdu.

M irrealizza x'kien qed jiġri u wasal żmien li kuljum beda jwiegħed lilu nnifsu li l-għada ma jixrobx. Imma minħabba l-lublieba dik il-wegħda seta' jħożżha fil-whisky.

Kien fittex l-għajnuna ta' sedqa, imma għall-bidu kien kollu ta' xejn. Beda jaqta' qalbu: fuq kollox kien ilu jixrob iktar milli kellu żmien. Meta, iktar minn 66 sena ilu, ommu kienet tqila bih, marret għand it-tabib għax it-tarbija ta' ġo fiha ma kinitx tiċċaqlaq. It-tabib taha parir li tibda tixrob ftit alkoħol...

Trabba mdawwar bix-xorb u għall-alkoħol kien mikrum bil-kbir - minn dejjem. Ta' età ċkejkna kien diġà jixrob spiss. Anke ħuh intrikeb mill-marda.

Darbtejn ipprova jiġi għal-laqgħat li kont immexxi jien. Id-darbtejn kien taħt l-influwenza tax-xorb u d-darbtejn, kif daħal, tfajtu 'l barra.

Fit-2 ta' Jannar tal-2000, it-tabib li ra qallu li għandu bżonn ikun diżintossikat. Kull sena Dar l-Impenn, fejn issir id-diżintossikazzjoni, tkun magħluqa sat-3 ta' Jannar minħabba l-waqfa tal-Milied, imma minħabba s-Sur M dik is-sena reġg
ħet fetħet ġurnata qabel.

Ma kienx jemmen li xi darba għad jieqaf għalkollox. Jgħid sal-lum li l-ħsieb tiegħu kien
li jieqaf għal ftit kemm isodd ħalq il-mara, u wara jerġa’ jibda .

Meta kien wasal biex jispiċċa d-diżintosikazzjoni, mar jarah ħaddiem ta’ sedqa, espert ta’ veru. Minn hawn u minn hemm ikkonvinċieh li jekk se jitlaq mingħajr ma jagħmel li kien hemm bżonn, kien sejjer jerġa’ jibda jixrob minnufih. U t-theddida tal-mara kienet għadha mdendla fuq rasu. Pjuttost kontra qalbu daħal jagħmel programm residenzjali. Kienu sħabu tal-programm li mbagħad ikkonvinċewh biex jieħdu bis-serjetà.

Minn dakinhar li M qatagħha li jmur ifittex tabib iktar biex jagħlaq ħalq il-mara milli biex jirranġa ħajtu tassew, għaddew 7305 jum – jekk tgħodd il-ġranet żejda tas-snin biżestili. Imma importanti li tgħoddhom dawk ukoll, għaliex il-mixja sa hawn saret – bħall-mixjiet kollha ta’ min inħeles mill-alkoħoliżmu jew minn xi dipendenza serja oħra – ġurnata b’ġurnata.

M jgħid li ħa deċiżjoni u qatt aktar mhu se jmiss qatra alkoħol ma’ ħalqu. U nifhmuh. Mejjet li rxoxta ma tantx se jersaq bil-ħsieb lejn dak li kien ħasadlu ħajtu. Imma M jaf wkoll kemm l-alkoħol jaf jidħaq bik, jurik id-debba u jqabbiżlek is-serp velenuż tal-ħajja mgħattna u mxajtna ta’ qabel. Għalhekk għadu sal-lum jattendi l-laqgħat: ma jmurx il-melodija li taf issaħħar tgħannilu għanja qarrieqa u ġġiegħlu jaħseb li issa l-problema marret u x-xorb kapaċi jikkontrollah.

Ħajjet M inbidlet bis-sħiħ. Meta jitkellem fuq kif kienet ħajtu u kif inhi llum sħabu jisimgħu b’attenzjoni għax ġarrab u qed jirbaħ. U miegħu ta’ madwaru, li ġarrbu wkoll, qed jirbħu bħalu. Mill-fdalijiet ta' li kien għad baqagħlu għoxrin sena ilu, fassal ħajja ġdida, sabiħa u siewja.

Hu jgħid li tgħallem ħafna mingħandna. Li ma jafx – jew ma japprezzax biżżejjed – hu kemm għallem lilna hu.

L-Italja, Haiti u l-Patt Imxajtan.

Ħ amsin sena ilu, it-Tazza tad-Dinja tal-futbol saret il-Ġermanja. Kienet l-edizzjoni li tibqa’ minquxa fl-imħuħ tad-dilettanti   għaliex fi...