Sunday 14 November 2021

Bernard u Emma u L-Abort. Imma anke Robert...

Jien membru ta l-grupp Abortion in Malta? Not in my Name!  M’iniex parti tal-amministrazzjoni, imma ili fih sa mill-bidu li twaqqaf. Nipprova nkun attiv kemm nista’. Dan li nqala’ dan l-aħħar ġegħelni nirrifletti. It-tħarbix jgħinni naħseb.

1. Meta sseħibt fih qatt u qatt ma immaġinajt li se jkun hemm fostna min se jsejħulu biex imur id-depot tal-Pulizija biex jagħti stqarrija fuq dak li kiteb fil-grupp. Imma ġraw ħafna affarijiet dan l-aħħar li qatt ma immaġinajna: żewġ anti-abortisti prominenti  qasmu x-xmara u kkampjaw ix-xatt l-ieħor, l-ex-PM li qabel l-2013 kien qalilna li hu kontra l-abort ftit xhur ilu qalilna li kkonverta u se jimpenja ruħu biex jiddaħħal f’Malta, il-PM li kien qalilna li jekk xi ħadd jipprova jdaħħal l-abort “isib lili kontrih’’ issa qed jgħid li hu favur diskussjoni u l-Kap il-ġdid tal-PN kważi malli tela’ qal li hu favur dibattitu (imbagħad benġilha li hu favur diskussjoni dwar kif ngħinu li-nisa tqal li għandhom id-diffikultà) approva l-kandidatura mal-partit ta’ persuna li hija apertament favur l-abort.

2. Fil-grupp kien hawn reazzjoni għal dawn l-avvenimenti kollha. L-aktar waħda qalila kienet għall-approvazzjoni ta’ Emma Portelli Bonnici mal-PN. Naħseb li kienet tnin ftit ftit bħal ma jiġri dejjem, li kieku Dr. Portelli Bonnici ma reġgħetx nefħet fuq il-ġamar billi marret u għamlet rapport lill-pulizija fuq qassis li, skont hi, kien uża kliem ta’ mibegħda fil-konfronti tagħħa fuq il-paġna tagħna. Ħafna ħaduha bi kbira (u mhux qed ngħid li għandhom raġun) li kandidata Nazzjonalista marret tirraporta qassis u l-biċċa l-kbira deher li kienu Nazzjonalisti pjuttost akkaniti, għalkemm mhux veru li kienu Nazzjonalisti biss.

3. Kien hemm din ir-reazzjoni qawwija għaliex – biex ma noqogħdux induru mal-lewża – ħafna minn dawk favur il-ħajja huma wkoll Nazzjonalisti. Hemm eluf ta’ Laburisti wkoll fost il-membri tal-grupp – u nies li daqqa jivvutaw naħa u daqqa oħra – imma l-biċċa l-kbira normalment jivvutaw lill-PN. Dawn assolutament ma ridux inniżżluha jirrappreżenta lill-Partit li huma jafuh li jitnebbaħ mill-valuri Nsara se jkun hemm min irid li l-liġi Maltija tippermetti l-qtil tal-ħajja umana fil-ġuf. Barra minn hekk, anke dawk li mhumiex marbuta mal-PN qed jirrealizzaw kemm huwa perikoluż li jkollok MP li, anke jekk il-partit ma jaqbilx, għandu s-setgħa li jintroduċi Private Members’ Bill u jekk isib appoġġ biżżejjed fil-kamra, f’temp ta’ ftit xhur insibu li l-qirda tal-ħajja fil-ġuf saret legali f’pajjiżna.

4. Ksaħna meta bdejna nisimgħu li xi nies mill-grupp (li jgħodd l-eluf kbar) kienu ssejħu d-depot. Waħħalna fir-rapport li Emma Portelli Bonnici kienet għamlet, imma wara ftit sirna nafu li hi kienet irrapurtat biss lil Fr. Andrew Borg. Il-pulizija, milli jidher, aġixxew ex-ufficio (jiġifieri minn jeddhom, mingħajr il-ħtieġa li jsir rapport) u, wara li qraw il-messaġġi f’ Abortion in Malta? Not in my name! sejħu madwar 40 (erbgħin!) ruħ. Uħud minn dawn  lanqas fejn sewwasew jiġi d-depot ma kienu jafu u għalkemm il-pulizija ttrattawhom tajjeb, l-esperjenza għal xi ftit kienet, tista’ tgħid, trawmatika.

5. Dan kollu – biex ngħidu kollox anke qabel ma l-membri tagħna ssejħu d-depot – naħsbu li daħħal lill-PN f’qoxortu. Bejn irrealizza li l-kandidatura ta’ persuna favur l-abort kienet se ttellef il-voti minflok, kif kien ħaseb Grech (forsi fuq parir tal-konsulenti) li se juri li l-partit huwa miftuħ anke għal ideat li sa ftit ilu kienu taboo assolut. L-interpretazzjoni ċinika hija li li għamlu kalkolu ta’ malajr u qiesu li se jitilfu aktar milli se jirbħu – u wara ftit Bernard Grech ħareġ jgħid li mhux sa jippermetti li xi ħadd fil-Partit se ikun favur l-abort u jibqa fil- Partit, jew jibqa b’xi mod jirrapreżenta lill-Partit. M’hemmx post għal min mhux favur il-ħajja.’’ Daqqet ħelu f’widnejna. Mhux li smajnieha qabel, għidna – u fraħna. U minn fostna ħafna bdew jgħidu: Bernard Grech wera li hu ta’ prinċipju u ta’ stoffa, gwerrier li ma jibżax jieħu deċiżjonijiet ibsin imdawla mit-twemmin tal-partit li jmexxi.

6. Kienet ferħa bla temma. Instemgħet għajta ta’ ljun qalbieni li dwiet għal waqt wieħed kemm qajmet ġisem min semagħha xewk xewk, biex f’ħakka t’għajn l-iljun deher jirtira b’denbu bejn saqajh. Għandi viżjoni quddiem għajnejja (forsi żbaljata għal kollox) li l-consigliere kważi ġdid fjamant mar jiġri għandu il-Kap bir-reazzjoni tal-lobby tal-abortisti f’id waħda u l-calculator fl-oħra u wrieh li meta tqis kollox, aktarx ma jaqbilx li l-PN jżomm mal-prinċipju storiku u aħjar jekk jipproġetta x-xbiha tal-partit modern, cool u miftuħ għal kull żiffa, riħ jew riefnu jonfoħ min-naħa tas-suċċess elettorali – u kull ma jġibu magħhom. U mhux ħaġa kbira (jekk tassew ġara dak li stħajjilt) biex il-consigliere kważi ġdid fjamant , mogħmi bid-dawl jgħammex tal-ideat liberalissimi li jħaddan, għafas xi numru fil-calculator, jekk mhux tnejn, żbaljat. Għax hemm għadd ġmielu ta’ Nazzjonalisti, u oħrajn li kienu kważi ċerti li se jivvutaw lil Bernard & Co. li issa qegħdin jgħidu “Inżabbab mhux nivvota’’. U l-partiti l-ġodda li ma jistħux ixejru l-banner tal-ħajja jogħrku jdejhom.

7. L-amministraturi tal-grupp Abortion in Malta? Not in my name mill-ewwel daru ma’ dawk l-erbgħin ruħ li sfaw arrestati u lesti jipprovdulhom għajnuna legali –biċċa minnha ffinanzjata mill-membri tal-grupp – jekk il-pulizija jiddeċiedu li jipproċedu kontrihom. Esperjenza kerha, imma probabbli hija sinjal ta’ dak li hemm jisteniena fix-xhur u s-snin li ġejjin. Il-ġlieda se tiħrax hekk kif aktar nies qegħdin jinħakmu mill-kurrenti hekk-imsejħa liberali u jħaddnu t-twemmin suppost progressiv tal-jien-hu-alla-sidi. Qed ngħixu f’dinja fejn il-partit politiċi lesti jagħmlu l-kompromessi għall-voti – u fejn il-pressjoni minn barra minn Malta timbotta kontinwament għall-bidla fid-direzzjoni tas-sodifazzjon tal-istinti u għala bieb għajni mill-konsegwenzi.

8. Il-ħruxija tal-ġlieda m’għandha qatt taqtagħlna qalbna imma lanqas m’għandha twebbishielna tant li naraw lill-“avversarji’’ bħala xjaten. Hemm min qed jaqbeż il-linji u jwaddab l-insulti bl-addoċċ. Mhux dejjem qed issir id-differenza bejn l-argument favur l-abort (li hu mnellaħ mill-qalba u mnawwar mill-għeruq) u min jagħmel l-abort jew qed jiġġieled biex isir legali (li huma bnedmin bħalna, xbiha t’Alla għal min jemmen). Niġġieldu l-argument b’ħiltna kollha, imma lill-avversarji, bħala bnedmin, irridu nirrispettawhom.

Anke għal min jiġi jaqa’ u jqum mill-aspett “morali’, hemm liġi li tgħid li ċertu lingwaġġ ma jistax jintuża. Ma rridux ripetizzjoni talli ġara (anke jekk il-Pulizija esaġeraw bil-kbir meta sejħu d-Depot nies fuq kummenti tassew innoċenti). U jekk lanqas dan l-argument mhu konvinċenti biżżejjed, tajjeb niftakru li ma jaqbilx li lil dawk ta’ favur l-abort nagħtuhom iċ-ċans jilagħbuha tal-vittmi msawta bil-kitba ta’ “dawk ta’ favur il-ħajja’’. 

9. Aħna rridu nkunu moħħna hemm u ma ninsewx għal sekonda x’inhu l-aktar importanti. Bħalissa qed nisimgħu ħafna kliem sabiħ mill-membri tal-grupp favur il-prinċipji li nħaddnu, imma, kif toqrob l-elezzjoni, id-deni jibda jaħkem sew u, bl-iskuża li l-avversarji politiċi ma jixirqilhomx ikunu fil-Gvern, malajr ninsew li l-ħajja tiġi l-ewwel u qabel kollox u nċedu għat-tentazzjoni li nivvutaw skont il-passjoni politika u mhux skont il-prinċipji u l-valuri li nħaddnu u nippridkaw.

10. F’dawn l-aħħar jiem, bir-raġun kollu, il-ħarsa tagħna kienet fuq il-PN u Emma Portelli Bonnici. Fil-PN hemm nies prominenti oħra li huma wkoll favur l-abort (Martina Caruana, Jamie Vella). Ma jawgura tajjeb xejn għall-futur. Imma ma naħsbux li t-theddid għall-ħajja umana ġej minn hemm biss. Imċappas bl-aħmar ukoll; fil-PL hemm individwi mlaħħqa li huma favur l-abort: Cyrus Engerer u Alfred Sant, pereżemju. Imma hemm oħrajn li 99% huma wkoll tal-qatgħa ta’ Emma Portelli Bonnici, Jamie Vella, Martina Caruana eċċ. Pereżempju Rosianne Cutajar.  U l-enfasi fuq ''id-drittijiet riproduttivi'' (ħafna drabi ewfemiżmu għall-abort) jagħtuk x'tifhem li hemm oħrajn....

U l-iktar li għandhom ibeżżgħuna mhumiex dawk li (bejn wieħed u ieħor) jitkellmu fil-miftuħ, daqskemm dawk li ma jitkellmu qatt fuq l-abort imma jekk kellu jkun hemm vot fil-Parlament lesti mhumiex lesti jisfidaw il-whip, avolja din suppost hija kwistjoni fundamentali ta’ kuxjenza. Il-pożizzjoni tal-partit - kif rajna mill-kwistjonijiet fuq iż-żwieġ gay u l-addozzjonijiet minn koppji omosesswali - wara l-elezzjoni taf tinbidel inkiss inkiss u ħesrem.

Se jkollna għalxiex u ma' xiex nissieltu. Moħħna hemm.

 

Sakranazz bir-Raġġiera?

Xi xhur ilu, f'dan il-blogg kont ktibt artikolett    fuq il-qaddisin patruni ta’ dawk li qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi ta’ dipendenza...