Monday 29 April 2024

L-Italja, Haiti u l-Patt Imxajtan.

Ħamsin sena ilu, it-Tazza tad-Dinja tal-futbol saret il-Ġermanja. Kienet l-edizzjoni li tibqa’ minquxa fl-imħuħ tad-dilettanti għaliex fiha stampaw  ruħhom  fil-memorjia ix-xbihat ta’ total football li kienet bellhitna bih l-Olanda. Qatt ma konna rajna qabel il-ballun jinlagħab b’tant  fluwidità, sens ta’ spazju, eleganza u aggressjoni. Anke jekk l-Olanda (inġustament, fil-fehma tiegħi) tilfet il-final mal-Ġermanja, wara dik l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, il-futbol ma baqax l-istess: elementi tas-sistema Olandiża infilsaw ruħhom fit-tattiċi u l-ideat tal-futbol ta’ ħafna timijiet,  Ewropej u mhumiex.

Imma, għadni nibda u diġà bdejt inħuf iżżejjed fl-isqaqien tal-memorja. Għalija u għal sħabi - kellna bejn wieħed u ieħor 19-il sena - kien żmien ta’ akkaniżmu bla tarf għat-timijiet “tagħna”: l-Italja, l-Ingilterra, il-Brażil u (għal xi ftit) il-Ġermanja tal-Punent. Konna lesti nagħmlu ħafna għalihom - u biex naraw l-avversarji batuti u umiljati.  Imma wieħed mill-akbar ħbieb tiegħi wasal - anke jekk biċ-ċajt - iktar ‘il bogħod minn fejn konna normalment naslu.

Waħda mil-logħbiet tal-ewwel round kienet Italja - Haiti, bit-Taljani (il-finalisti tal-edizzjoni ta’ qabel fil-Messiku) naturalment favoriti kbar għar-rebħa ma’ tim mingħajr l-ebda tradizzjoni fil-futbol dinji. Ma nafx jekk kinitx il-konnessjoni bejn Haiti u l-voodoo li kebbsitlu  l-ħsieb, imma dan l-imbierek ta’ ħabib tiegħi - iffissat fuq l-Ingliżi u, allura, ‘’għadu’’ maħluf tat-Taljani - ftit sigħat qabel il-logħba fettillu, biex jiċċajta, jibda jgħid “O Satana, noffrilek ruħi jekk jirbħu Haiti’’.

Fl-ewwel half is-superjorità tat-Taljani kienet ċara imma ma ħallietx frott. Minkejja players tal-kwalità ta’ Facchetti, Mazzola, Rivera u Riva, it-Taljani rmew iċ-ċansijiet li ħolqu u ma skorjaw l-ebda gowl. Anzi, kellu jkun il-goalkeeper Zoff li f’mument minnhom salvahom b’intervent pjuttost diffiċli u spettakolari wara xutt angolat minn barra l-kaxxa ta’ Vorbe.

Mal-ftuħ tat-tieni half il-gowl wasal... imma mhux fejn kien mistenni. Emmanuel Sanon, is-centre forward xellugi ta’ Haiti ġera għal pass fit-tul, antiċipa lil Luciano Spinosi, dar mal-goalkeeper Dino Zoff u ħawwel il-ballun fix-xibka. It-Taljani nfixlu, hekk kif it-tikira tal-umiljazzjoni mal-Korea ta’ Fuq ta’ tmien snin qabel bdiet tilgħab ma’ moħħhom.

U sieħbi? Kien qed jara kollox id-dar fuq it-TV abjad u iswed, jiċċelebra bi tbissima sodisfatta fuq wiċċu. Sanon kien tah ferħa kbira.

Imbagħad ftakar fil-wegħda li kien għamel.

It-tbissima għebet u l-ferħ inbidel f’ansjetà. Sieħbi raġel sewwa ħafna u lanqas qatt jgħaddilu minn moħħu li jidħol f’xi patt max-xitan biex jikseb xi ġid materjali. Kien jaf li dak li qal kien biċ-ċajt. Imma kien jaf ukoll li Satana , għalkemm rinomat għal ħafna kwalitajiet, mhux magħruf għas-sens ta’ umoriżmu.

Qalbu ttaqtaq kompla jara l-logħba, bla ma qal xejn lil ħadd. “Għall-ewwel u l-uniku darba f’għomri għamilt nofs logħba nżomm mat-Taljani - u nixtieqhom jirbħu’’, kien qalli meta ltqajna ftit jiem wara.

Għall-grazzja tal-ħanin Alla, wara xi seba’ minuti, Gianni Rivera ġab id-draw - u l-ansjetà tal-ħabib tiegħi battiet xi ftit, għalkemm il-biża’ li dak l-indemonjat ta’ Sanon, jew xi ħadd minn sħabu, jerġa jiskorja, hemm baqgħet. Imbagħad Romeo Benetti fajjar xutt minn barra l-kaxxa, il-ballun ħabat ma’ sieq difensur tal-Haiti, u għeleb lill-goalkeper.

Sieħbi ħa nifs ‘il ġewwa, imma ma kienx qabel is-79 minuta li seta’ jikkalma tista’ tgħid għal kollox. Pietro Anastasi, il-payer Taljan favorit tiegħi (u, għal ftit minuti, il-favorit anke ta’ sieħbi) li kien daħal minflok Giorgio Chinaglia, skorja t-tielet gowl u ssiġġilla r-rebħa Taljana, ferraħ miljuni ta’ Taljani u eżorċizza kważi kompletament l-inkwiet ta’ żagħżugħ bilqiegħda quddiem it-TV b’belt f’Malta. F’dawk iċ-ċirkostanzi Anastasi probabbli kien effettiv aktar milli kien ikun Patri Elija, Alla jaħfirlu.

It-Taljani rebħu dik il-partita imma ma għalihom ma kinitx Tazza tad-Dinja feliċi. Kienu ġew draw mal-Arġentina u tilfu mal-Polonja, ir-rivelazzjoni ta’ dik l-edizzjoni u li kellhom jispiċċaw it-tielet. M’għaddewx għat-tieni round minħabba d-differenza fil-gowls.

Min-naħa tiegħu, Emmanuel Sanon mar tajjeb ħafna f’dik il-kompetizzjoni. Barra l-gowl memorabbli kontra l-Italja, kien skorja gowl ieħor fit-telfa kontra l-Arġentina (1-4). Fi kliem ieħor iż-żewġ gowlijiet ta’ Haiti f’dik it-Tazza tad-Dinja skurjahom hu. Wara mar jilgħab ma’ Beerschot fil-Belgju u anke rebaħ it-Tazza tal-Belġju magħhom. Wara li rtira taha għall-coaching u anke wasal biex imexxi t-team Nazzjonali Haitjan. Miet qasir il-għomor wara marda qerrieda.

Sieħbi baqa’ jħobb ħafna l-football , u minn dak iż-żmien sal-lum segwa eluf ta’ partiti fuq it-TV. Anke lit-Taljani rahom jilagħbu minn jaf kemm-il darba, imma nqiegħed rasi taħt mannara li qatt aktar ma għaddielu l-iċken ħsieb li jagħmel xi wegħda oħra.

No comments:

Post a Comment

L-Italja, Haiti u l-Patt Imxajtan.

Ħ amsin sena ilu, it-Tazza tad-Dinja tal-futbol saret il-Ġermanja. Kienet l-edizzjoni li tibqa’ minquxa fl-imħuħ tad-dilettanti   għaliex fi...