Saturday 10 December 2011

Cicciolina u n-Ninni La Tibkix Iżjed

Inqiegħed rasi taħt mannara li  m’hawnx Malti jew Maltija – jew anke barrani li ilu  jgħix Malta għal xi snin - li ma jafx sew din l-għanja tal-Milied li minn hawn u ftit jiem oħra tibda tidwi madwarna u ġo moħħna kważi bla waqfien. Kantajnieha elf darba bħala tfal, għallimnieha lil uliedna u, naħseb, b’ċertu sens ta’ kburija – għall-inqas dawk li fostna li ma barrewx għal kollox il-karattru Malti tal-festi tal-Milied – nqisuha bħala għanja ‘tagħna’,  li twieldet  minn fostna u twassal ħsus Maltin imnebbħa mill-iktar avveniment straordinarju fl-istorja tal-bniedem.

Fil-fatt il-kliem tal-għanja – li, għalkemm nafuha bħala Ninni La Tibkix iżjed  sewwasew jisimha Il-Benniena ta’ Ġesù Bambin – tassew ħarġu minn pinna Maltija. Kien raħeb Ġiżwita, Patri Indrì Schembri minn Ħal-Luqa li kitibhom, għall-ħabta ta’ nofs is-seklu dsatax. Schembri kien kitibha biex titkanta mill-Maltin ta’ Tuneż, li dak iż-żmien kienet miżgħuda emigranti minn pajjiżna.

U l-mużika? Milli jidher, għal ħafna snin ma konniex ċerti minn fejn tnisslet il-melodija. Schembri kien jagħmel parti minn komunità tal-Ġiżwiti fl-Afrika ta’ Fuq li fost il-membri tagħha kienet tgħodd diversi rħieb u studenti minn pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant. Kien hemm min kien jgħid li Schembri kien “issellef” il-melodija mingħand xi ħadd minnhom, jiġifieri semgħu ikantaha, għoġbitu u ispiratu li jikteb għanja tal-Milied għall-Maltin ta’ Tuneż. Imma ħadd ma kien jaf eżatt – jew għallinqas hekk nafha jien l-istorja.

Imma, b’kumbinazzjoni kbira, madwar 20 sena ilu jew aktar intefa’ dawl fuq il-misteru b’mod li tassew ma tistennihx.

Irrid nippreċiża li dan li se nikteb ibbażat fuq artiklu bil-Malti li kont qrajt fuq ġurnal lokali. Ma nistax niftakar la min kitbu u lanqas biss liema ġurnal kien – għalkemm għandi l-impressjoni  li kien il-Ġens (nittama li mhux qed inħawwad dan il-ġurnal mal-predeċessur tiegħu il-Ħajja).

L-awtur kiteb li ftit taż-żmien qabel kien qed jara t-televiżjoni Taljana u inzerta program li fih ħadet sehem l-attriċi tal-porno Cicciolina.  Le, ma kienx xi film jew spettaklu professjonali minn tagħha, imma sempliċiment programm innokwu li fih kienet waħda mill-mistednin. F’dan il-programm talbuha tkanta għanja tradizzjonali ta’ pajjiżha  u s-Sinjura Ilona Staller – dak hu isem Cicciolina – bdiet tkanta bl-Ungeriż. B’għaġeb kbir tal-awtur ta’ dan l-artiklu, il-melodija kienet l-istess waħda tan-Ninni La Tibkix Iżjed.

Trid tkun Malti biex tapprezza l-ironija li toħroġ mill-inkongruwenza tat-tifsira u l-konnotati tal-għanja għall-Maltin u  l-arti tas-sinjura Staller magħrufa aħjar bħala Cicciolina. Ikolli nistqarr li minn mindu qrajt dan l-artiklu, din l-għanja m’għadhiex tnebbaħ fija l-ispirtu ta’ devozzjoni bħal qabel…

Jisgħobbija qatigħ li dak l-artiklu ma kontx żammejtu, imma dak iż-żmien ma kontx interessat fil-Malti u dak kollu konness miegħu daqs kemm jien illum.  Jekk xi ħadd għandu iktar informazzjoni fuq in-nisel ta’ din l-għanja u jogħġbu jaqsamha mal-qarrejja ta' dan il-blogg, nibqa’ nafhulu.

11 ta' Diċembru 2011: Mil-lbieraħ 'l hawn waslitli informazzjoni importanti. 99% mhux artiklu fil-Ġens li kont qrajt, imma ittra fis-Sunday Times miktuba fl-24 ta' Lulju 1988 minn dak li llum huwa l-Professur Manwel Mifsud, l-ikbar espert tal-Malti ta' żmienna.  L-ittra turi li Patri Indrì Schembri kien fil-fatt ippubblika l-kliem fl-1864 (sitt snin qabel ma miet), ma' għadd ieħor ta' innjiet u poeżiji reliġjużi, f'Ġemgħa ta'  Kliem Imqaddes li Jingħad mill-Maltin tal-Alġier.

Il-programm li fuqu Cicciolina - dak iż-żmien Membru Parlamentari Radikali - kienet kantat l-għanja tradizzjonali Ungeriża kien Il Testimone ta' Giuliano Ferrara, li kien jixxandar fuq Rai Due. Ma kienx il-Professur Mifsud stess li semagħha, imma koppja ħbieb tiegħu, li wara qalulu bil-biċċa. Kienu baqgħu imbellhin bix-xebh bejn dak li kienet qed tkanta Cicciolina u l-melodija ta' Ninni, La Tibkix Iżjed.


5 comments:

  1. Ghaziz Manuel, prosit tal-blog.
    Qed nibghatlek verzjoni aggornata ta' Ninni la tibkix izjed,

    Tislijiet,
    Vince Fabri

    Ninni la Tibkix Izjed….2011

    Ninni la tibkix izjed,
    Ninni Gesu Bambin
    Miskin kif spiccajt wahdek,
    ghax ahna nies biezlin

    Guzeppi il-mastrudaxxa,
    Naqsulu l-ordnijiet
    Marija harget tahdem,
    ha jhalsu l-kontijiet
     
    Inkella kif se jlahhqu,
    il-hajja tant gholiet
    Bambin biex jiehdu hsibek,
    hemm l-angli tas-smewwiet

    Filkaz n-nanniet tieghek,
    Jiehduk Gesu Bambin
    Ferhana jrabbuk maghhom,
    Sant Anna u San Gwakkin

    Ninni la tibkix izjed,
    Ninni Gesu Bambin
    Miskin kif spiccajt wahdek,
    Ghax nahdmu t-tnejn qeghdin.

    ReplyDelete
  2. Vince, grazzi tal-kumment.

    Dil-parodija kapulavur!!

    ReplyDelete
  3. Manuel, hu l-każ li nippruvaw niksbu iktar tagħrif dwar l-għanja bl-Ungeriż? Taf dan is-suġġett ġiex studjat xi mkien?

    ReplyDelete
  4. Louise, hekk nixtieq li jsir. hemm ħabib tiegħi li għandu diversi ħbieb Ungeriżi u qiegħed jistaqsi.

    ReplyDelete
  5. Hi there! First of all great collection of information. I am both interested in the song (composing a choral adaptation right now) and Hungarian. I tried to research, but found no similar tune and I would have serious doubts that the melody would be a folk song: Hungarian folk songs are for a great part pentatonic, of course there are exceptions... I try to research more, however I can say it's not a kind of a melody, that say every Hungarian would know. Maybe one should ask aforementioned "actress" where she got the melody from?! :)

    ReplyDelete

L-Italja, Haiti u l-Patt Imxajtan.

Ħ amsin sena ilu, it-Tazza tad-Dinja tal-futbol saret il-Ġermanja. Kienet l-edizzjoni li tibqa’ minquxa fl-imħuħ tad-dilettanti   għaliex fi...