Saturday 8 April 2023

Il-gowl li kien...

Kważi sena ilu kont ktibt artiklu  fuq meta, fl-1 ta’ Ġunju 1967, il-Juventus, sewwasew fl-aħħar ġurnata tal-istaġun, kienu ħatfu l-league minn ħalq l-Inter. Dakinhar Il-Juventus għelbu lil Lazio f’Turin 2-1, u l-Inter, jew kif nippreferi nirreferi għalihom... 'dawk', b’għaġeb ta’ kulħadd, seħħilhom jitilfu kontra Mantova b’goal li llum anke l-filmat tiegħu ntilef, wara żball kbir tal-goalkeeper Giuliano Sarti.

Imma l-aktar mument kontroversjali tal-istaġun inzerta propju fl-aħħar ġurnata tal-ewwel round waqt Lazio-Juventus. Fil-klassifika, il-Juventus kienu punt taħt 'dawk' li kien imisshom, naturalment, home mal-Mantova. Il-Mantova (fil-lasta kien jilgħabilhom ċertu Dino Zoff) f’dak l-istaġun kellhom  rekord tassew straordinarju: minn 34 logħba kienu spiċċaw draw 22 darba. Avolja l-Inter kienu qegħdin jilagħbu f’darhom ħadd ma stagħġeb wisq meta l-logħba ntemmet 1-1. 

Il-Lazio ma kinux xi tim b’saħħtu, u filwaqt li l-kuntest kien il-league tas-Serie A fejn ‘’zero a zero’’ kienet il-frażi l-aktar li tidwi meta jkunu qegħdin jinqraw ir-riżultati (jew meta jkun ħin it-tbassir), Juventus, anke jekk barra minn darhom, deher li kellhom ċans ġmielu li jiksbu ż-żewġ punti. Kif spjegajt fl-artiklu l-ieħor dik is-sena l-Juventus, minkejja l-ideat sofistikati u ta’ qabel żmienhom tal-kowċ Heriberto Herrera  kienu meqjusa bħala tim tal-klassi tal-ħaddiema (“squadra operaia’’) imqabbla mal-Inter li kienu meqjusa parti mill-aristokrazija tal-logħba għax mhux biss kienu rebħu l-league tliet darbiet fl-erba’ snin ta’ qabel imma anke kienu rebħu ċ-Champions Cup fl-1964 u l-1965 u semi-finalisti fl-1966. 

F’din il-partita fl-iStadio Olimpico sa tmiem l-ewwel 45 minuta, ma kien hemm l-ebda gowl.  Tibda t-tieni taqsima u Virginio De Paoli - attakkant fl-ewwel staġun tiegħu mal-Juve wara erba’ snin ta’ suċċess ma’ Brescia - jixxuttja lejn il-lasta bix-xellug minn ġol-kaxxa ż-żgħira. Il-ballun għal kollox għeleb lill-goalkeeper imma wara ftit sekondi spiċċa f’idejh. De Paoli u l-Juventini l-oħra qrib il-lasta għollew idejhom b’sinjal ta’ ċelebrazzjoni. Id-difensuri ta’ Lazio dehru diżappuntati u rassenjati, imma b’għaġeb ta’ kulħadd, it-referee Bruno De Marchi ddeċieda li mhux goal. 

Irrabjati l-players tal-Juventus daru ma’ De Marchi u, skont ir-referree, wieħed minnhom ħaliflu fuq martu u uliedu li l-ballun kien daħal żgur. De Marchi baqa’ ma jridx jaf u l-logħba kompliet bl-iskor ta’ 0-0. De Marchi jgħid li wara ftit sar jaf li dak il-player Juventin la kien miżżewweġ u lanqas kellu tfal.

Minn fejn kien De Marchi kien konvint li l-ballun ħabat mal-mimduda.

Ma tantx dam konvint. Inqas minn sentejn qabel ir-Rai, fid-Domenica Sportiva, kienu intrudoċew il-moviola. U proprju l-ewwel episodju verament kontroversjali li l-moviola kien fliet u għarblet mill-qrib kien dan il-famuż goal li qatt ma ngħata ta’ Virginio De Paoli. Il-filmati wrew biċ-ċar li l-ballun kien daħal - u kif - u li De Marchi kien għamel żball madornali.

X’kien ġara eżatt? Żmien wara l-istess referee Bruno De Marchi kien spjega li x-xutt ta’ De Paoli kien ħabat mal-ħabel oħxon li jirfed ix-xibka. Bix-xita u s-silġ dak il-ħabel kien ibbies u sar qisu ħadid. Il-ballun inbeżaq ’il barra u spiċċa f’idejn il-goalkeeper ta’ Lazio. Ħafna minn dawk li kienu qegħdin jaraw il-logħba rrealizzaw x’kien ġara. Ir-reazzjoni tal-players tal-Lazio wriet li huma kienu ntebħu li l-gowl kien validu. De Marchi u l-linesman biss kienu raw ħażin.

Ittawlu waħda dan il-filmat - bl-abjad u l-iswed naturalment: CALCIO 22 GENNAIO 1967 IL GOAL FANTASMA DI DE PAOLI - YouTube

Minħabba li l-gowl ma kienx konvalidat, il-Juventus baqgħu punt wara l-'dawk' li għalhekk saru champions tax-xitwa. U dak il-punt seta’ kien deċiżiv. Il-Juventus kienu pprotestaw fuq li pprotestaw, imma, nauralment - u hekk għandu jkun - id-deċiżjoni tar-referee fuq gowl ma tistax titħassar jew tinbidel. Helenio Herrera, dak iż-żmien kowċ tal-Inter, kien gerger pubblikament li Juventus kienu qegħdin jesaġeraw bil-protesti tant li, skont hu, lill-Papa biss kien jonqoshom ikellmu. Naturalment, ma setax ikun jaf kemm kellna nisimgħu qrid u tinwiħ mill-Inter wara l-5 ta’ Mejju tal-2002 - u għadna nisimgħu sal-lum...

Minħabba dak li ġara fl-aħħar ġurnata tal-istaġun - jiġifieri r-rebħa drammatika u mhux mistennija tat-tlettax-il kampjonat - ma tantx tingħata importanza lil dan l-inċident. Trid tkun Lazio-Juve ta’ ċerta importanza, bħalma ħa tkun dik tal-lum, biex nofs tużżana kollox supporters li qabżu s-sittin sena u iktar jiftakru fih.

No comments:

Post a Comment

Sakranazz bir-Raġġiera?

Xi xhur ilu, f'dan il-blogg kont ktibt artikolett    fuq il-qaddisin patruni ta’ dawk li qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi ta’ dipendenza...