Thursday 21 November 2013

Ulied Ulied Ulied in-Nanna Venut fi Brussel

Għall-ħabta tal-1920 in-nannu tiegħi, biex jaħrab l-għaks ta’ wara l-Gwerra, li kien waħda mill-kawżi ewlenin għar-rewwixti tas-Sebgħa ta’ Ġunju,  imbarka lejn l-Amerki.  Bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien – forsi ħames, sitt snin wara - Juann Mamo bagħat lil Bertu Armaġużarma u wlied in-Nanna Venut l-oħra fuq dak il-vjaġġ epiku u immortali. In-Nannu Wenz ma tantx saddad għax wara sentejn “il-ħin kollu nibki” reġa’ lura fi ħdan il-familja f’din l-art ħelwa għalkemm kiefra. Il-ftit li naf fuq il-mawra tiegħu fl-Amerka jaqbel mhux ħażin ma’ partijiet mill-avventuri ta’ Ulied in-Nanna Venut, imma mhux li tgħid li jistħoqqlu min jimmortalizzah bl-iswed fuq l-abjad. Biex iwassal il-messaġġ, Mamo ħtieġlu joħloq u jsawwar ħafna ċirkustanzi fittizji mlewna sew għalkemm fuq sfond reali.

Waqt li kont qed naqra What Happens in Brussels Stays in Brussels, ir-raba’ rumanz pop ta’ Ġużè Stagno, irrealizzajt li, bħal Mamo, Stagno qabad qafas reali ħafna – li hu jafu sew - u fuqu bena storja b’karattri u avvenimenti naqra rtukkjati u mlibbsin kuluri jgħajtu. Din tat il-ħajja lil realtà li fil-wiċċ taf tidher bla wisq kulur u li ma jistħoqqilhiex li timmortalizzaha bl-iswed fuq l-abjad. Imma hemm differenza waħda u kbira, forsi frott tat-80 sena li jifirdu ż-żewġ xogħlijiet, jew li jifirdu l-qarrej tal-lum minn Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka: Il-karattri u l-istorja tal-ktieb ta’ Stagno jitwemmnu aktar minn dawk ta’ Mamo.

Fuq livell wieħed din hi storja ta’ skoss nies ftit li xejn istruwiti u b’mentalità tipika ta’ gżira żgħira li jsibu ruħhom f’dinja msawra b’mod differenti minn dik li trabbew fiha. Inevitabbilment din id-dinja se tħawwadhom u huma se jitħawdu. U jħawdu.

Fuq livell ieħor it-tema hija iktar serja: Malta, għaxar snin u aktar wara l-Millennju u wara seba’ snin (ir-rumanz ambjentat f’Diċembru tal-2011) fl-UE, għadha Malta Maltija -  kif kien jawspika li tkun Dom Mintoff – jew iddakkret tant mill-“Ewropa” li tagħmel parti minnha li wliedha tilfu l-identità tagħhom? Il-Maltin ta’ Brussel jgħixu ħajja ta’ Maltin, ta’ Ewropej (jeżistu l-Ewropej?) jew ta’ Maltin libsin (imma spiss imneżżgħin) ta’ Ewropej?

Sakemm mhux qed inħalli l-istħajjil jiġri bija, jew m’iniex qed nipproġetta s-sentimenti tiegħi fuq l-istorja, ir-rumanz għandu wkoll dimensjoni politika: ir-relazzjoni tal-MLP/PL mal-UE u dik tal-Laburisti edukati, li għadd minnhom ivvutaw favur is-sħubija u lill-PN fl-2003, mal-partit li darba kien tagħhom.

Il-protagonista tal-istorja, Gustav Azzopardi, ġurnalist kapaċi imma moralment dgħajjef, huwa Malti żagħżugħ u edukat li jgħix Malta imma mhux barrani għal kollox f’belt bħal Brussel: il-valuri u l-atteġġjamenti tiegħu jippermettulu jidħol (bejn wieħed u ieħor) feles fl-ambjent ta’ belt kożmopolitana.  Ġej mill-klassi tal-ħaddiema imma ma tantx għadu jqis lilu nnifsu bħala wieħed minnhom. U jekk il-PL jilqa’ fih bil-qalb nies rozzi, razzisti, sessisti u fanatiċi bħal dawk li jsawru l-ġgajta li titla’ Brussell b’riħet il-MPE jismu Charlo Pulis, mhux ħaġa kbira li Gustav iħossu aljenat ukoll mill-partit li darba kien jappoġġja. Tant huma razzisti, pereżempju, li kultant tibda tistaqsi lilek innifsek jekk Stagno hux qed joħloq xi karikatura. Imbagħad tiftakar fil-kummenti li nkitbu fuq il-ħajt tal-Facebook ta’ Cecilia Malmstrom ...

Imma l-politika – u anke, sa ċertu punt,  l-imġiba barra minn lokha u imbarazzanti tal-ġgajta Maltija fi Brussel - huma sekondarji, għall-inqas kif fhimt ir-rumanz jien. Li huwa iktar ċentrali huwa l-konflitt bejn il-Malti u l-barrani f’dawk il-kompatrijoti tagħna li rabbew l-għeruq fi Brussel. Anke jekk jidhru kożmopolitani u sofistikati taħt il-qoxra, il-Malti għadu hemm. Jagħmlu għat-Twistees qishom kienu muniti tad-deheb. Is-segretarja tal-MPE Charlo Pulis hi sabiħa, sexy u sofistikata kemm trid, imma meta l-Maltin jibbujjaw x’ħin jgħaddu minn quddiem Dar Malta (għax dik għalihom simbolu tal-imbrolji ta’ GonziPN) tkun hi li saħħnithom. Ktibt ‘saħħnithom’ mhux ‘xewxithom’ għax ma’ din is-segretarja dan il-verb jiġik f’moħħok. Għandha saħna tal-Beati Pawli fuqha. Imma anke l-imġiba bla rażan tagħha forsi hija frott il-konfużjoni ta’ valuri: dak li xorbot ma’ ħalib ommha jitħallat ma’ dak li l-ħajja moderna titlob minnha. Tgħid in-nimfomanija hija l-mod kif irrisolviet il-konflitt li ma setgħetx issib tarfu?

Kien hemm xi ħaġa fir-rumanz li laqtitni fin-nuqqas tagħha. Huwa sinifikattiv li ma hemm  kważi l-ebda referenza (pożittiva jew negattiva) għal Alla, twemmin, reliġjon u Knisja? Lanqas nista’ naħseb f’rumanz ieħor bil-Malti fejn dawn ma jidħlux b’xi mod: inevitabbli li jkunu element fl-istorja ladarba l-kultura tagħna hija (kienet?) dik li hi. Tgħid dan huwa rifless ta’ kultura post-Kristjana li tinfluwixxi fuq il-ħajja ta’ bosta mill-karattri tar-rumanz? Tgħid hemm xi rabta mat-taqlib, l-edoniżmu u t-tfittxija pjuttost sfrenata għall-alkoħol - fi kwantitajiet Alla jberikhom - li jistimula, imbagħad imewwet? M’hemmx reliġjon u twemmin, imma sens ta’ ħtija li jkidd jidher li l-karattri jġarrbuh. Huwa iktar diffiċli ġġorr sens ta’ ħtija minn dnub, għax dan  jinħafer.

Stagno mmatura ħafna mill-kittieb ta’ Inbid ta’ Kuljum, l-ewwel kitba tiegħu li xorta waħda kien biċċa xogħol preġevoli.  Immatura mhux biss teknikament, imma anke bħala bniedem-li-jikteb. Kważi għall-ewwel darba fil-kotba tiegħu ħassejt li hemm ukoll ħjiel ta’ impenn “soċjali”. Ma nafx kinitx għażla konxja jew għax influwenzat mingħajr ma jrid minn Mamo u l-ambivalenza ta’ dan lejn il-popolin li jirredikola u jrid jifdi fl-istess ħin, imma deherli li hemm kumment soċjali ġmielu f’What Happened in Brussels Stays in Brussels. Jekk hu hekk, kitbietu fil-ġejjieni għandhom ikunu saħansitra iktar ta’ min jistenniehom bil-ħerqa.

Dejjaqni naqra - proprjament naqra iktar minn naqra - l-użu estensiv tal-Ingliż fir-rakkont. Nifhem li stil mexxej ta’ kitba fil-kuntest ta’ rumanz pop ifittex li jirriproduċi d-diskors bil-mod li jingħad fil-ħajja ta’ kuljum, imma kien hemm biċċiet fejn assolutament ma kien se jitlef xejn kieku uża espressjoni jew frażi Maltija – u lanqas kien se jaqta’ l-ankri ċerebrali kieku għamel sforz u fittixhom. Ħu pereżempju l-frażi (semmieha hu stess f’xi intervista li ta lil xi ġurnal) “Alfred Sant donnu qiegħed iqanżaħ xi tbissima at gunpoint”. Kieku kiteb b’pistola ppuntata lejh kien se jnaqqas xi ħaġa min-naturalezza tas-sentenza? Kien hemm iktar minn dawn. U wara l-enneżima “enneżima” kelli aptit insabbat il-ktieb mal-ħajt. Imma ma kontx lest li nagħmillu l-ħsara qabel nispiċċah.

Ma nafx kemm-il darba f’dar-rumanz infqajt nidħak. Ma naf qatt li għamilt hekk meta kont qed naqra ktieb bil-Malti (u ftit li xejn bl-Ingliż, minkejja li l-umoriżmu huwa l-ġeneru favorit tiegħi). Imma Stagno għandu ħabta joħroġlok bi frażijiet (iktar milli sitwazzjonijiet, imma l-aqwa umoriżmu huwa verbali) u tixbihat ispirati meta ma tkunx qed tistennihom. Mhux se nsemmihom hawn, għax huma ġawhar li jleqqu iktar fil-kuntest tal-istorja milli f’artiklu bħal dan.

Dak li ġara fi Brussel ma baqax Brussel imma ntiseġ minn Stagno fi storja divertenti u sorprendentement profonda. Biex nuża xbiha li darba uża Peter Serracino-Inglott, il-ktieb qisu roqgħa ilma baħar tant ċara li taħsbu baxx, imma fil-fatt meta tinżel fih issib li ma jlaħħaqlekx. Għoġobni immensament, saħansitra iktar minn Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka. U jkolli ngħid li jekk taqta’ dik ix-xena sesswali interminabbli - ma fhimtx l-iskop tagħha - anke lin-Nannu Wenzu tgħidx kemm kien jogħġbu.


No comments:

Post a Comment

Sakranazz bir-Raġġiera?

Xi xhur ilu, f'dan il-blogg kont ktibt artikolett    fuq il-qaddisin patruni ta’ dawk li qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi ta’ dipendenza...