Wednesday, 16 September 2026

Ħsibijiet Feġġejja - 2

 

 

1. Il-ġuri: “Fejn hu l-laptop?’’ “Mhux għand Valletta’’

 

2. Kontradizzjoni li  taċċetta/tirrispetta l-verdett u tħabrek għall-ġuri ieħor? Le. Il-proċess sagrosant imma l-bnedmin jibqgħu fallibbli.

 

3. Il-ġurati la korrotti u lanqas fis-sakra. Id-difiża kapaċi u, forsi, ma toqgħodx lura minn ċerti prattiċi.

 

4. Il-ġurati  mhumiex għefieret; ix-xjaten jew demonji l-infern qegħdin. Imma jiżbaljaw- żball li jissarraf f’inġustizzja liema bħalha.

 

5.  Kont ħadtha kontra Eddie Fenech Adami meta indika li hemm bżonn tinbidel is-sistema tal-ġurati wara li Meinrad Calleja u Ian Farrugia ġew liberati. Illum ngħid li forsi kellu raġun.

 

6. L-istħarriġ ta’ Marmarà? Naħseb li se nisimgħu iktar fuqu. Jekk kellmu iktar minn ġurat potenzjali jew tnejn, jaf jitqanqal tsunami.

 

7. Il-Finanzjament tal-Partiti: Wara l-ġuri, barra l-punti strettament ġuridiċi u ta’ interess għall-pulizija, ma nistgħux naħarbu mill-problema ta’ minn fejn se jiġu l-fondi tal-partiti.

 

8. Il-biċċa l-kbira jidhru favur il-finanzjament pubbliku tal-partiti. L-Italja kellha din is-sistema u xi 14-il  sena ilu  neħħietha.

 

9. Kien hemm ħafna serq u ħaxi mill-partiti politiċi Taljani. Se nilludu ruħna li hawn mhux  se jiġri l-istess?

 

10. Is-soluzzjoni? Ma nafx.Li hemm bżonn żgur hija trasparenza skrupluża - u pieni ħorox għal min jinqabad ifotti.

 

11. Beppe Fenech Adami:  kien jittrennja u ħa sehem fi tlielaq/mixjiet għall-karità. Ifisser li huwa ‘fit’. Jew ‘fitt’? (xi dwejjaq dix-xjuħija; tibda titfixkel fil-kliem).

 

12. Joseph Muscat: Wara l-ġuri se jonqsu s-suspetti (jien ngħid li infondati) li kien imdaħħal personalment fil-korruzzjoni?


13. Mar jaħdem  ma’ Stivala (u ma nafx ma’ min iktar) li  kien gawda taħt il-PL.  Gonzi kien mar man-Nemea Bank. Austin Gatt ma’ Hili. Gonzi u Gatt korrotti wkoll?

 

14. Din il-prattika jgħidulha pantouflage. Komunissima. Kważi impossibbli li tinqered. Xi mkien iridu jaħdmu dawn. Imma jeħtieġ tkun regolata. It-trasparenza kollox.

 

15. Għad hawn anke boloh li jgħidu li Muscat kien imdaħħal fil-qtil ta’ Daphne. Il-mibegħda tibqa’ ssaltan fuq ir-raġuni.

 

16. Qabel l-2013  iwiegħed li l-ambjent se jkun kolonna ta’ politika ġdida. Astrid Vella kważi kull ġimgħa fuq Bla Aġenda.

 

17. 3 ġimgħat wara r-rebħa elettorali, il-paladin tal-politika favur l-ambjent iħabbar mewġa ta’ kostruzzjoni u jgħidilna li jispera li ma jkunx hawn min jipprotesta għax tinqatel xi gremxula.

 

18. U fuq l-ambjent infetħu bwieb l-infern.

 

19. Kien tana x’nifhmu li hu kontra l-addozzjoni mill-gays u ż-żwieġ gay. Wara l-elezzjoni qalilna li kkonvertieh Cyrus Engerer. U l-akkolta tmur barra tiftaħar kif tnejku bil-poplu.

 

20. Wara li warrab, qalilna li hu favur l-abort u li kien se jaħdem biex jidħol.

 

21. Meta sar PM, qalilna li d-differenza bejnu u bejn Gonzi kienet li Gonzi kellu social worker bħala Segretarju personali u hu kellu negozjant.  Kemm konna bħanan - u l-ikbar wieħed jien. Iddarrast, imma daqshekk biss.

 

22. U dak kien il-qofol: il-Gvern ttradixxa l-valuri soċjalisti u bidel ix-xewqa għall-flus u l-ġid materjali f’ferneżija.

 

23.  Il-pajjiż finazjarjament qiegħed tajjeb - m’hemmx dubju. Għandna servizzi li ftit hawn bħalhom fl-Ewropa. Taxxi nħallsu relattivament ftit. Imma minn fuq dar il-ħaddiema Ażjatiċi li nisfruttaw u nħallsu bis-soldi. Gvern Soċjalista.

 

24. Min ipprinzipja l-mudell ekonomiku?

 

25. U min daħħal lil Keith Schembri fil-politika u ħatru bħala l-kunsillier ewlieni? Min ma ġagħlux jirriżenja kif Daphne bdiet tikxef u l-Panama Papers ikkonfermaw?

 

26. Ma jidhirx li ħa flus u ma kellux x’jaqsam mal-mewt ta’ Daphne, anzi għamel minn kollox biex jinqabdu l-qattiela, imma politikament nixtieq li jaqta’ biljett  għal Andromeda. One way.

 

27. Robert Abela: fuq il-kwistjoni ta’ Daphne mexa bejn wieħed u ieħor kif kellu jimxi għalkemm kien hemm mumenti meta kien marsus. Mhux tort tiegħu li kellna verdett traġi-ridikolu.

 

28. Wegħedna li jekk JM joħroġ favur l-abort “isib lili kontrih’’. Emminnieh u serraħna rasna, iċ-ċwieċ.

 

29. Sentejn wara, aċċetta li jipprova jdaħħal l-abort mit-tieqa. Kellhom joħorġu xi 23,000 ruħ fit-toroq biex daqq l-irtirata. It-theddida għadha hemm mistoħbija (mhux wisq) wara x-xinxilli u l-wegħdiet tal-€1,000 u t-tnaqqis tat-taxxa.

 

30. Issa ġejja l-ewtanażja. B’rispett ammirevoli lejn ir-rieda popolari, il-PM iddeċieda li se jsejjaħ referendum - meta l-istħarriġ juri li hemm maġġoranza favur il-qtil mieles tal-morda terminali. Għandu skuża eċċellenti.

 

31. Ftit ilu l-gvern eżalta l-qtil tiegħek innifsek fl-istess waqt li nieda kampanja qawwija kontra s-suwiċidju. Ma jridx lil min joqtol lilu nnifsu, u, fl-istess nifs, pinġa s-suwiċidju assistit qisu xi Sagrament sekulari.

 

32. Imma l-koerenza qatt mhu se tkun karatteritika ta’ min tilef is-sens ta’ moralità.

 

33.  Għaliex din ir-reżistenza kollha għal-liġijiet fuq il-ġid misterjuż (unexplained wealth)? Dik miżura xellugija. Forsi għax miżura xellugija?

 

34. Is-Soċjaliżmu: Għadni noħlom bis-Soċjaliżmu Nisrani. Mhux dan il-pragmatiżmu skwallidu li jidher li ddakkar bih il-PN ukoll.


35. Kont se ngħidlu pragmatiżmu insipidu - imma fil-fatt iħalli togħma morra.

 

36. Lanqas mhu s-Soċjaliżmu Mintoffjan li għamel ħafna ġid soċjali,  imma kkalpesta d-drittijiet fundamentali u qasam il-klassi tal-ħaddiema.

 

37. Forsi Soċjaliżmu ideali u idealista li jeżisti f’moħħi biss: solidarjetà li ma tagħrafx fruntieri, fejn il-vulnerabbli (inklużi l-bnedmin mhux imwielda) jitħarsu, u fejn is-soluzzjoni li noffru għall-mard terminali mhix il-mewt “ħelliesa’’ qabel żmienha.

 

38. U fejn kull individwu jista’ jserraħ rasu mill-ħobża ta’ kuljum, minn saqaf suq rasu, minn edukazzjoni li tgħinek tiżviluppa, minn kundizzjonijiet tax-xogħol umani u minn ambjent b’saħħtu u f’saħħtu ,  u minn ħarsien skrupluż tad-drittijiet tal-bniedem.

 

39. Daphne: Kont mort l-ewwel protesta l-Ħadd ta’ wara li nqatlet. Qatt ma mort iktar - bdejt nara wisq mibegħda mħallta ma’ rabja ġustifikata u xenqa għall-ġustizzja.

 

40. Imma tal-Erbgħa 16 ta’ Settembru nixtieq li nkun hemm. Il-verdett kien daqqa ta’ sieq ġol-istonku bla ħniena lil kull min jemmen fil-ġustizzja naturali u skont ir-raġuni.

 

41. Jien: Xi snin ilu kont ktibt li qabel immut nixtieq li l-kuxjenza terġa’ tħallini nivvota lill-PL. Ma tridx taf.

2 comments:

  1. Dwar il-finzanzjament, il-partiti poltici bhal kazini tal-banda. Tista taghmel ligijiet - dejjem facta lex inventa fraus. Hu l-Aipac l-Amerka. Rigward trasparenza, Assange wera li dik hija impossibbli bl-AI, triljunarji, agenziji bhal Palantir, u tax havens bhal Leichstein, Cayman Islands, Holland, etc. Fuq kollox hemm ir-riformi li kienu sehhew taht Reagan ,Thatcher, Blair u Muskat, li permezz taghhom certi regolamenti spiccaw "ghal aktar efficjenza". Il-flus jinhbew u jghebu bhal ma ma magician quddiem udjenza li ccapcaplu ghax ikun qarraq bihom.

    ReplyDelete
  2. Rigward il-Guri, kiem hemm diversi irregolaritajiet fosthom difensuri "jkellmu" lix-xhieda u gurati bl-internet. Jekk fuq dan ma jista' jsir xejn, imma fuq ir-Rapport tal-NAO li hareg f' Novembru 2018 jistghu jimxu fuqu u jimplimentaw dak kollu li ssuggerixxa. Hekk forsi tista tinsab xi verita li tista' tghinna nevitaw zbalji li, tort taghhom, batew hafna Maltin u min ghamilhom ghadu kburi bihom. U l-kwistjoni tal-Electrogas, Socar u Montenegro jinkixfu bit-trasparenza dovuta. Hekk inkunu nistghu nghidu lil kulhadd involut "live long and prosper"

    ReplyDelete

Ħsibijiet Feġġejja - 2

    1. Il-ġuri : “Fejn hu l-laptop?’’ “Mhux għand Valletta’’   2. Kontradizzjoni li  taċċetta/tirrispetta l-verdett u tħabrek għall-ġuri ieħ...