1. Il-ġuri: “Fejn hu l-laptop?’’ “Mhux għand Valletta’’
2. Kontradizzjoni li taċċetta/tirrispetta l-verdett u tħabrek għall-ġuri ieħor? Le. Il-proċess sagrosant imma l-bnedmin jibqgħu fallibbli.
3. Il-ġurati la korrotti u lanqas fis-sakra. Id-difiża kapaċi u, forsi, ma toqgħodx lura minn ċerti prattiċi.
4. Il-ġurati mhumiex għefieret; ix-xjaten jew demonji l-infern qegħdin. Imma jiżbaljaw- żball li jissarraf f’inġustizzja liema bħalha.
5. Kont ħadtha kontra Eddie Fenech Adami meta indika li hemm bżonn tinbidel is-sistema tal-ġurati wara li Meinrad Calleja u Ian Farrugia ġew liberati. Illum ngħid li forsi kellu raġun.
6. L-istħarriġ ta’ Marmarà? Naħseb li se nisimgħu iktar fuqu. Jekk kellmu iktar minn ġurat potenzjali jew tnejn, jaf jitqanqal tsunami.
7. Il-Finanzjament tal-Partiti: Wara l-ġuri, barra l-punti strettament ġuridiċi u ta’ interess għall-pulizija, ma nistgħux naħarbu mill-problema ta’ minn fejn se jiġu l-fondi tal-partiti.
8. Il-biċċa l-kbira jidhru favur il-finanzjament pubbliku tal-partiti. L-Italja kellha din is-sistema u xi 14-il sena ilu neħħietha.
9. Kien hemm ħafna serq u ħaxi mill-partiti politiċi Taljani. Se nilludu ruħna li hawn mhux se jiġri l-istess?
10. Is-soluzzjoni? Ma nafx.Li hemm bżonn żgur hija trasparenza skrupluża - u pieni ħorox għal min jinqabad ifotti.
11. Beppe Fenech Adami: kien jittrennja u ħa sehem fi tlielaq/mixjiet għall-karità. Ifisser li huwa ‘fit’. Jew ‘fitt’? (xi dwejjaq dix-xjuħija; tibda titfixkel fil-kliem).
12. Joseph Muscat: Wara l-ġuri se jonqsu s-suspetti (jien ngħid li infondati) li kien imdaħħal personalment fil-korruzzjoni?
13. Mar jaħdem ma’ Stivala (u ma nafx ma’ min iktar) li kien gawda taħt il-PL. Gonzi kien mar man-Nemea Bank. Austin Gatt ma’ Hili. Gonzi u Gatt korrotti wkoll?
14. Din il-prattika jgħidulha pantouflage. Komunissima. Kważi impossibbli li tinqered. Xi mkien iridu jaħdmu dawn. Imma jeħtieġ tkun regolata. It-trasparenza kollox.
15. Għad hawn anke boloh li jgħidu li Muscat kien imdaħħal fil-qtil ta’ Daphne. Il-mibegħda tibqa’ ssaltan fuq ir-raġuni.
16. Qabel l-2013 iwiegħed li l-ambjent se jkun kolonna ta’ politika ġdida. Astrid Vella kważi kull ġimgħa fuq Bla Aġenda.
17. 3 ġimgħat wara r-rebħa elettorali, il-paladin tal-politika favur l-ambjent iħabbar mewġa ta’ kostruzzjoni u jgħidilna li jispera li ma jkunx hawn min jipprotesta għax tinqatel xi gremxula.
18. U fuq l-ambjent infetħu bwieb l-infern.
19. Kien tana x’nifhmu li hu kontra l-addozzjoni mill-gays u ż-żwieġ gay. Wara l-elezzjoni qalilna li kkonvertieh Cyrus Engerer. U l-akkolta tmur barra tiftaħar kif tnejku bil-poplu.
20. Wara li warrab, qalilna li hu favur l-abort u li kien se jaħdem biex jidħol.
21. Meta sar PM, qalilna li d-differenza bejnu u bejn Gonzi kienet li Gonzi kellu social worker bħala Segretarju personali u hu kellu negozjant. Kemm konna bħanan - u l-ikbar wieħed jien. Iddarrast, imma daqshekk biss.
22. U dak kien il-qofol: il-Gvern ttradixxa l-valuri soċjalisti u bidel ix-xewqa għall-flus u l-ġid materjali f’ferneżija.
23. Il-pajjiż finazjarjament qiegħed tajjeb - m’hemmx dubju. Għandna servizzi li ftit hawn bħalhom fl-Ewropa. Taxxi nħallsu relattivament ftit. Imma minn fuq dar il-ħaddiema Ażjatiċi li nisfruttaw u nħallsu bis-soldi. Gvern Soċjalista.
24. Min ipprinzipja l-mudell ekonomiku?
25. U min daħħal lil Keith Schembri fil-politika u ħatru bħala l-kunsillier ewlieni? Min ma ġagħlux jirriżenja kif Daphne bdiet tikxef u l-Panama Papers ikkonfermaw?
26. Ma jidhirx li ħa flus u ma kellux x’jaqsam mal-mewt ta’ Daphne, anzi għamel minn kollox biex jinqabdu l-qattiela, imma politikament nixtieq li jaqta’ biljett għal Andromeda. One way.
27. Robert Abela: fuq il-kwistjoni ta’ Daphne mexa bejn wieħed u ieħor kif kellu jimxi għalkemm kien hemm mumenti meta kien marsus. Mhux tort tiegħu li kellna verdett traġi-ridikolu.
28. Wegħedna li jekk JM joħroġ favur l-abort “isib lili kontrih’’. Emminnieh u serraħna rasna, iċ-ċwieċ.
29. Sentejn wara, aċċetta li jipprova jdaħħal l-abort mit-tieqa. Kellhom joħorġu xi 23,000 ruħ fit-toroq biex daqq l-irtirata. It-theddida għadha hemm mistoħbija (mhux wisq) wara x-xinxilli u l-wegħdiet tal-€1,000 u t-tnaqqis tat-taxxa.
30. Issa ġejja l-ewtanażja. B’rispett ammirevoli lejn ir-rieda popolari, il-PM iddeċieda li se jsejjaħ referendum - meta l-istħarriġ juri li hemm maġġoranza favur il-qtil mieles tal-morda terminali. Għandu skuża eċċellenti.
31. Ftit ilu l-gvern eżalta l-qtil tiegħek innifsek fl-istess waqt li nieda kampanja qawwija kontra s-suwiċidju. Ma jridx lil min joqtol lilu nnifsu, u, fl-istess nifs, pinġa s-suwiċidju assistit qisu xi Sagrament sekulari.
32. Imma l-koerenza qatt mhu se tkun karatteritika ta’ min tilef is-sena ta’ moralità.
33. Għaliex din ir-reżistenza kollha għal-liġijiet fuq il-ġid misterjuż (unexplained wealth)? Dik miżura xellugija. Forsi għax miżura xellugija?
34. Is-Soċjaliżmu: Għadni noħlom bis-Soċjaliżmu Nisrani. Mhux dan il-pragmatiżmu skwallidu li jidher li ddakkar bih il-PN ukoll.
35. Kont se ngħidlu pragmatiżmu insipidu - imma fil-fatt iħalli togħma morra.
36. Lanqas mhu s-Soċjaliżmu Mintoffjan li għamel ħafna ġid soċjali, imma kkalpesta d-drittijiet fundamentali u qasam il-klassi tal-ħaddiema.
37. Forsi Soċjaliżmu ideali u idealista li jeżisti f’moħħi biss: solidarjetà li ma tagħrafx fruntieri, fejn il-vulnerabbli (inklużi l-bnedmin mhux imwielda) jitħarsu, u fejn is-soluzzjoni li noffru għall-mard terminali mhix il-mewt “ħelliesa’’ qabel żmienha.
38. U fejn kull individwu jista’ jserraħ rasu mill-ħobża ta’ kuljum, minn saqaf suq rasu, minn edukazzjoni li tgħinek tiżviluppa, minn kundizzjonijiet tax-xogħol umani u minn ambjent b’saħħtu u f’saħħtu , u minn ħarsien skrupluż tad-drittijiet tal-bniedem.
39. Daphne: Kont mort l-ewwel protesta l-Ħadd ta’ wara li nqatlet. Qatt ma mort iktar - bdejt nara wisq mibegħda mħallta ma’ rabja ġustifikata u xenqa għall-ġustizzja.
40. Imma tal-Erbgħa 16 ta’ Settembru nixtieq li nkun hemm. Il-verdett kien daqqa ta’ sieq ġol-istonku bla ħniena lil kull min jemmen fil-ġustizzja naturali u skont ir-raġuni.
41. Jien: Xi snin ilu kont ktibt li qabel immut nixtieq li l-kuxjenza terġa’ tħallini nivvota lill-PL. Ma tridx taf.
No comments:
Post a Comment