Kif kont kważi għaxxaqt kollox,
B’dawn idejja x’mort għamilt
Kelli kulma ridt u aktar
Imma l-gost qerried għażilt
F’dar missieri kien hemm kollox,
Sliem u mħabba kemm irrid
Ħbieb bir-radam iwennsuni
Kont ta’ ħajti tassew sid
Stajt insib min ifarraġni
Meta nibki kont neħtieġ
Kelli ’l ħija bastun fuqi.
Ħarist wisq barra mill-ħġieġ.
U rajt dinja attraenti
Smajt il-kant maħnuq, sfrenat.
F’lejl miżgħud kwiekeb tal-plastik
Poplu jhewden ibbażżjat.
Bħal farfett miġbud lejn fjamma,
Bid-dawl tagħha ipnotizzat
Insejt kollox, ħrabt ’il barra
Għat-tbaħrid determinat
F’dik id-dinja tal-kuluri
Għixt imdamdam bil-pjaċir
Trab mill-abjad ġo mnifsejja
Kont inħossni qed intir.
Milfs u escorts, mitt elf mara
Meta ridt għal waħda tnejn,
Nissodisfa biss l-istinti,
Konsegwenzi? Ma qist xejn.
Ħbieb madwari bit-tużżani
Jekk f’ħaġ’oħra medhijin
Kulma ridt inħallas xarba
U bil-gzuz tarahom ġejjin
Fuq il-magni ħallelin,
F’każinos, bil-pannu aħdar
Li xorbuli kull xelin
Fi ftit xhur il-folja nqalbet
Filli fl-għoli qalb is-sħab
Filli ħadt tisbita kbira
U spiċċajt nilgħaq it-trab.
Waħdi, minsi mill-ħbieb kollha,
U għalkemm spiċċaw il-flus
Bix-xorb goff ta’ nbid mill-qares
Bdejt niġġandar bħal qażquż.
X’ħin bil-guħ, jien bdejt nintebaħ
Li ma kontx ‘il bogħod mit-tmiem
Ftakart kif ġo dar missieri
Hemm il-barka, ġid u sliem
U azzardajt naħseb li forsi
Kien hemm ċans jilqagħni hemm
Anke biss qisni barrani
Jekk id-demm qatt ma jsir semm.
Ma nafx kif, sibt min wassalni
mhux ‘il bogħod, fit-tarf tat-triq
Bdejt nistaqsi lili nnifsi
Se jgħajjarni wiċċi sfiq?
Se nisma’ ’l Missieri jgħidli
“’Ma rridekx, itlaq minn haw’
M’għandikx dritt tissejjaħ ibni
Mur man-nisa li żgarraw’?”
’Qas ilħaqt ħarist lejn daru
Li ma qamx dlonk fuq saqajh
Rajtu jtir bla nifs għal fuqi
U għafasni bejn dirgħajh
Leħnu fgat, bid-dmugħ iġelben
Qalli “Ibni, fl-aħħar ġejt
Kemm ġrejt ‘l hawn u ‘ l hemm infittxek
Kemm għarrixt minn fuq il-bejt.”
Dak il-ħali ta’ missieri
Baqa’ jħobbni kull mument
Ma mpurtahx mill-ġid li ħadtlu
Ma tax każ tat-tradiment
Ippruvajt nitolbu skuża,
Imma hu bil-ferħ itir
Qalli “Le, maħfur għal kollox,
Imxi nagħmlu party kbir
Nagħmlu festa la ġejt lura
La nistgħu nifirħu bik.
Mill-mewt qomt, erġajt għall-ħajja
Kont mitluf, issa sibnik”