Wednesday 10 April 2024

Sakranazz bir-Raġġiera?

Xi xhur ilu, f'dan il-blogg kont ktibt artikolett  fuq il-qaddisin patruni ta’ dawk li qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi ta’ dipendenza. Kien hemm min, bir-raġun, irrimarka li - fejn jidħol ix-xorb - minn dawk il-qaddisin li ssemmew, ma kienx hemm wieħed li hu wieħed li jista’ jitqies bħala ‘ta’ żmienna’.

Fil-fatt, fil-waqt li tassew ma naf bl-ebda qaddis kanonizzat ta’ dawn l-aħħar sekli li nistgħu ngħidu fiċ-ċert li kien alkoħoliku, jista’ jkun li fi żmien mhux daqshekk ’il bogħod ikollna qaddis li mingħajr ebda dubju kellu problema serjissima ta’ dipendenza mix-xorb u li miet inqas minn 100 sena ilu. Qed ngħid għal Matt Talbot.

Matt Talbot mhux xi isem li jidwi sikwit fil-kmamar isiru laqgħat bħal tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar l-approċċ tagħna huwa sekulari, u ma tantx nidħlu la f’reliġjon u lanqas (b’xorti ħażina) fi spiritwalitá.  Lanqas fid-diskursati li jkollna mal-ħbieb tagħna ta’ l-Alkoħoliċi Anonimi, qatt ma naf li ssemma ismu. Imma fl-ambjenti tal-kura għall-alkoħoliżmu fl-Irlanda u fl-Amerika ta’ Fuq, l-iktar meta fost alkoħoliċi Kattoliċi Matt Talbot huwa magħruf mhux ħażin.

Matt Talbot twieled f’naħa mill-ifqar ta’ Dublin fl-1856. Missieru kien jixrob bil-goff u, anki minħabba f’hekk il-familja ta’ Matt kienet nieqsa minn ħafna affarijiet. Skola mar għal sena waħda biss, u ta’ 12-il sena beda jaħdem ġo fabbrika tal-birra. Beda jixrob il-fdalijiet mill-qiegħ tal-fliexken u ta’ sittax-il sena taha għall-wiski. Sakemm kellu 28 sena x-xorb ħakimlu ħajtu għal kollox: kien jonfoq kull ma kellu fuqu, u kien dejjem bid-dejn. Kellu jirhan il-ħwejjeġ u ż-żarbun. Ma kellu l-ebda interess jew passatemp, ħlief ix-xorb. Wara x-xogħol dritt għall-ħanut, u wara għad-dar imlaħlaħ, xurban jew fis-sakra. Biex jipprova jlaħħaq ma’ l-ispejjeż tax-xorb, għamel żmien jaħdem barrani ma’ tverna u kull ma kien jaqla’ kien jonfqu minnufih fix-xorb hemm stess. Meta ma jkollux flus, kien jittallab ix-xorb jew ifittex li ‘jirkeb’ lil xi ħadd. Taha għas-serq u darba seraq vjolin ta’ raġel għama.

M’hemmx fiex titfixkel: Matt Talbot kien alkoħoliku. Darba mar fil-ħanut tas-soltu u qagħad barra jistenna li sħabu joffrulu jixrob. Uħud minnhom ma tawx kasu, u l-oħrajn kemm sellmulu u baqgħu għaddejjin. Ħadha bi kbira ħafna, għax deherlu li hu dejjem kien jaħseb fihom meta kien ikollu l-flus. Telaq lura lejn id-dar imriegħex u b’qalbu maqsuma. Intebah kemm kemm ix-xorb kien jassru, u qatagħha li kien se jagħmel ‘il-Wegħda’. Il-‘Wegħda’ kienet kelma solenni li kienet tittieħed quddiem qassis li dak li jkun ma kienx bi ħsiebu jixrob. Ried jagħmel il-‘Wegħda’ għal għomru, imma l-qassis ipperswadieh jagħmilha għal 3 xhur.

Wara x-xogħol flok il-ħanut, beda jmur jimxi. Darba minnhom għadda minn ħdejn ħanut tax-xorb u r-riħa tal-birra ħawditu u tah attakk tal-lublieba. Daħal, imma min kien qiegħed iservi ma tax kasu. Għal darb’oħra ħassu umiljat, u bewweġ ’il barra u baqa’ sejjer dritt ġo knisja tal-Ġiżwiti, u għamel wegħda oħra miegħu innifsu – li ma jżommx aktar flus fuqu.

Beda jidħol fil-knejjes spiss, mhux tant biex jitlob imma biex jistrieħ għal kwiet waqt il-mixi. Imma bil-mod il-mod beda jitlob ’l Alla jgħinu. Biex jibqa’ sod u ma jerġax jaqa’ fix-xorb, iddeċieda li jibda jmur il-quddies kuljum u jitqarben. Fi kliem ieħor, intelaq f’idejn Setgħa Ogħla minnu. Kif għaddew it-3 xhur, tawwal il-wegħda b’6 xhur oħra u imbagħad Ta l-Kelma għal għomru.

Ħajtu nbidlet għal kollox...mhux biss qatt ma miss xorb imma beda jaħdem fuqu nnifsu, fuq il-livell spiritwali. Immudella ħajtu fuq l-eżempju tal-patrijiet Irlandiżi ta’ l-antik. Minbarra li kien jgħaddi ħin twil ħafna fit-talb u l-qari spiritwali ((kien irnexxielu jitgħallem jaqra meta kiber), kien jagħmel minn kollox biex jgħin lill-oħrajn. Dak li darba kien sakranazz, sar bniedem eżemplari, jaqdi dmiru b’tant kuxjenza li l-imgħallem tiegħu kien jiddeskrivieh bħala l-aqwa ħaddiem li kien hemm f’Dublin. Kien jinteressa ruħu fid-drittijiet tal-ħaddiema, u lil sħabu kien jgħinhom finanzjarjament. Anke l-ikel li kien jieħu miegħu fuq ix-xogħol ġieli tah lil sħabu.

Miet ta’ 69 sena b’attakk f’qalbu u ndifen f’qabar fqir. Fl-1975 il-Knisja ddikjaratu ‘Venerabbli’ , żewġ passi ‘l bogħod mill-Kanonizzazzjoni.

Ħajtu ispirat, u għadha tispira, lil ħafna alkoħoliċi li qegħdin jagħmlu li jistgħu biex jirbħu l-problemi tad-dipendenza. Illum eluf ta’ alkoħoliċi, l-aktar  fl-Istati Uniti u fil-Kanada, imorru l-‘Irtiri ta’ Matt Talbot’, immexxija minn qassisin u patrijiet - anke huma alkoħoliċi- jiex jimmeditaw fuq l-aspetti spiritwali tal-programm tal-waqfien mix-xorb. 120 sena ilu, Matt Talbot kien diġa għaraf li jekk trid toħroġ mill-problemi tax-xorb trid tibdel ħajtek mill-egħruq, trawwem valuri sodi, ma tibżax mis-sagrifiċċju u taħdem bis-sħiħ fuq l-aspetti spirtwali ta’ ħajtek.

No comments:

Post a Comment

L-Italja, Haiti u l-Patt Imxajtan.

Ħ amsin sena ilu, it-Tazza tad-Dinja tal-futbol saret il-Ġermanja. Kienet l-edizzjoni li tibqa’ minquxa fl-imħuħ tad-dilettanti   għaliex fi...