Il-messaġġ li
qatt ma xtaqt naqra – imma fl-istess ħin kważi ridtu jintbagħat għax kont naf li kienet qiegħda tbati hi u anke
ta’ madwarha – wasal dalgħodu. D, li
sirt nafha iktar minn 20 sena ilu, ħadet l-aħħar nifs matul il-lejl.
Kienet ilha kwart
ta’ seklu tikkumbatti max-xorb. Tieqaf, terġa’ tibda, tisparixxi għal ftit,
terġa’ titfaċċa determinata li did-darba se tagħmel li hemm bżonn u se jirnexxilha.
Għal ftit taż-żmien tibqa’ soda, kważi kulħadd jaħsel jemmen li issa ġabitha
żewġ, u wara ftit xhur – u darba minnhom wara tliet snin u fuqhom - nerġgħu
koppi.
Imbagħad, erba’ snin
ilu, reġgħet ippruvat. U minn dakinhar ma missitx qatra ma’ xufftejha.
Ma kinitx xi
konverżjoni bħal ta’ San Pawl fi triqtu lejn Damasku. Ma rat l-ebda raġġ ta’
dawl li għammxilha għajnejha u biddlilha l-mod kif taħseb ħabta u sabta. Għal
darb’oħra kienet xebgħet tgħix maħkuma mix-xorb, u riedet terġa’ dduq
il-libertà. Ippruvat. Forsi kien id-dehen li jiġi mill-munzell esperjenzi li għaddiet
minnhom li wrieha li jkun aħjar jekk tibqa’ għaddejja soda, li żmien l-iskużi
għadda u li kienet fid-dmir li turi rispett xieraq lejha nnifisha. U bil-mod saret
bidla fiha – bidla ta’ veru.
Il-ħajja ta’ D ma
kinitx xorb biss. Għaddiet minn stejjer sbieħ u koroh. Forsi bħal kulħadd, għax
kollha kemm aħna kultant nifirħu u kultant nibku, kultant inġibuha żewġ u kultant
ngħaxxquha. Imma din il-mara ma kinitx mara kwalunkwe. Għax wildet 3 subien, imma
bħalissa hemm ħamest itfal jibkuha.
Kien hemm żmien
meta ħuha – ġenitur waħdu – għal snin sħaħ ma setax ikompli jieħu ħsieb iż-żewġ
uliedu bniet. D ħadet ir-responsabbiltà tat-trobbija tagħhom hi. Min-naħa
tagħna konna ppruvajna nappoġġjawha kif stajna, imma affarijiet żgħar stajna
nagħmlu. Kollox fuq spallejha kien. U min jaf lil dawn it-tfal (illum nisa),
jaf x’biċċa xogħol għamlet.
U ma kinitx
l-unika darba f’ħajjitha li b’dedikazzjoni u mħabba ħadet ħsieb lil min kellu
bżonn. Il-ġurnata minn filgħodu turi: ta’ età żgħira kienet tieħu ħsieb b’dedikazzjoni
kbira membru tal-familja li kellu diżabilità serja. Anke tawha premju minħabba
f’hekk. Imma għal D l-aqwa premju kien li tħaffef it-toqol ta’ min kien qed
ibati.
Fil-gruppi tagħna
kien hemm żmien meta kienet tiffrustrana: konna nħossu li kienet kapaċi tieqaf tixrob
u ttejjeb ħajjitha, imma għal żmien twil, bħal donnu b’inkejja lilha nnifisha,
kienet tara xi skuża se tivvinta biex terġa’ tibda tlegleg . Meta imbagħad kienet
tkun wieqfa u għaddejja minn żmien tajjeb, kien ikun fiha għaxqa tismagħha titkellem
fuqha nnifisiha b’onestà kbira u tappoġġja lill-oħrajn. Kienet kapaċi tħares
ġewwa fiha nnifisħa u toħroġ b’għerf li jgħaġġbek. Bla ma taf għenet ħafna nies,
l-aktar għax uriethom li, anke jekk taqa’ elf darba, jekk tibqa’ tipprova
fl-aħħar jirnexxilek issib tarf tal-problema u ssewwi ħajtek.
Għandi 1,000
memorja tagħha – il-biċċa l-kbira minnhom ma nistax nirrakkontahom. Imma hemm
waħda li ma ninsiha qatt, meta b’leħinha miksur u għajnejha jixegħlu qaltli li kient
saret nanna għall-ewwel darba. Għax, anke meta kient tixrob il-familja kienet
importanti ħafna għaliha. U tathom kulma setgħet.
Imma li tathom
tawhulha lura. Meta mardet daru qaqoċċa magħha u qatt ma kienet nieqsa
mill-attenzjoni. Tlett ijiem ilu kont bilqiegħda d-dar tagħha ħdejn sodditha ma’
ħutha u neputija u l-għaqda u s-solidarjetà li rajt hennietli qalbi. Ħin minnhom
ġiet f’tagħha, ratni u tbissmitli u, wara, bdiet tiċċajta ma’ tal-familja. La krib, la
qrid, la dwejjaq –avolja kulħadd kien jaf li t-tmiem kien fil-qrib. Kienu jafu
x’kellha bżonn dak il-ħin u taw każ tal-bżonnijiet tagħha , mhux li jisfugaw l-ansjetà
tagħhom. Ħriġt minn darha b’sens ta’ għaġeb – u gratitudni li assistejt għal
xena li ma ninsiha qatt.
Bħalma qatt mhu
se ninsa lil D. Mhux biss minħabba t-tlieta u għoxrin sena li ħdimt magħha u
mhux biss għax fl-aħħar irnexxielha tieqaf tixrob u tieħu lura f’idejha r-riedni
ta’ ħajjitha. Imma għax kelli l-privileġġ li nsir naf mill-qrib mara li batiet
u kienet taf tħobb lil kulħadd. U mara li, wara snin twal, irnexxielha tifhem misteru
milll-iktar profond: li jekk trid tgħix sew jeħtieġ l-ewwel u qabel kollox
titgħallem tħobb lilek innifsek kif xieraq u kif suppost.
L imħabba lejn il familja kient tremenda waħda mil ħbieb li ma ninsa qatt
ReplyDeleteProset manuel x 4 kelmit u la zit u lanqas naqast 5 snin u nofs tigi tarani darbtejn fil gimgha u il hadd filodu igibli l ikel u haditli hsib il ulidi mara bqalba tad dehb
ReplyDeleteProset manuel ! Li ghamlet mieghi mohti u ma missiri radejtula lura , iz zija D kinet mara b qalb tad deheb
ReplyDelete