Occasional thoughts, musings and ponderings unclearly expressed - in Maltese and English
Sunday, 14 November 2021
Bernard u Emma u L-Abort. Imma anke Robert...
Saturday, 21 August 2021
Ħsibijiet Feġġejja
1. Malta: ġenna tal-art imnejka. U mhux Joseph Muscat biss niekha.
2.
Joseph Muscat: inkarnazzjoni
ta’ Dr. Faustus - biegħ ruħu lix-xitan għall-poter u l-popolarità.
3.
Joseph Muscat: egrant tentattiv
ta’ frame-up fuqu – 99.9%
4.
Joseph Muscat: ma kellu x’jaqsam
xejn mal-mewt ta’ Daphne
5.
Joseph Muscat: għamel ġid,
imma probabbli l-agħar Prim Ministru ta’ Malta.
6.
Joseph Muscat: Għax ma
jparparx lejn xi galassja oħra?
7.
Edward Zammit Lewis: imissu
jwarrab. Wiċċu u u sormu xorta.
8.
Rosianne Cutajar: imissha twarrab.
Wiċċha u sormha xorta. Kont se ngħid li t-tnejn isbaħ minn ta’ Zammit Lewis,
imma aħjar le.
9.
Kirsty Debono: ha proprio
culo (metaforikament). Laħqet bidlet l-alleanza għax kieku Repubblika et al
sallbuha.
10. Repubblika: għanijiet
sublimi, imma l-mibegħda ċċajpar għemilhom.
11. The
Shift News: il-veri eredi ta’ Daphne, imma l-mibegħda ċċajpar
kitbiethom.
12. Occupy
Justice: bejn Repubblika u The Shift News, nippreferi 'l Occupy
Justice.
13. Daphne: Kull
ġurnata li tgħaddi niskopri kemm kellha raġun fuq il-korruzzjoni u kif taħdem.
14. Daphne:
kittieba sublimi, investiġtraċi straordinarja, antropologa m’hawnx bħalha.
15. Daphne: kellha
difetti serji, imma ħaqqha monument.
16. Daphne:
Il-familja tagħha terrqet fid-dulur u immaturat. Li laqgħu l-apoloġija ta’
Robert Abela sinjal eċċellenti.
17. Daphne:
il-pass li jmiss hu li l-familja issa tiltaqa’ mal-President.
18. Jason
Azzopardi: għandu kuraġġ ta’ ljun. Nixtieq ngħid affarijiet tajba
oħra fuqu imma ma nistax insib.
19. Il-PN: farsa
tbikkik.
20. Il-PN: kieku
kien bniedem konna niċċertifikawh għal Monte Karmeli – tendenzi suwiċidali serji
u akuti
21. Bernard
Grech: Jidher inkapaċi, imma min, ħlief
xi Eddie Fenech Adami, isib tarf f’dak it-taħwid?
22. Bernard
Grech: biex imexxi l-PN jeħtieġ l-għerf ta’ Salamun, il-kuraġġ
ta’ David, is-saħħa ta’ Sansun u l-fortuna ta’ Ġakobb. Minflok qisu l-poplu
Lhudi jdur u jagħqad fid-deżert.
23. Bernard
Grech: qisu jien meta kont nipprova ntellaq. Jaf li se jispiċċa
l-aħħar, imma jibqa’ għaddej joħlom bil-mirakli.
24. Adrian Delia: la vendetta è un piatto
che va servito freddo.
25. Eddie
Fenech Adami: perfett ma
kienx, imma Joseph Muscat ikkonfermalna li kien l-aqwa PM ta’ Malta
26. Eddie
Fenech Adami: għandu xi neputi jixbhu? Il-PN għandu bżonnu
bħall-ħobż.
27. Eddie
Fenech Adami: Jekk tassew għandu d-demenzja, mhi xejn ħlief turija
oħra tal-ħniena bla tarf t’Alla.
28. Lawrence
Gonzi: kultant inħoss in-nuqqas tal-kalma rassikuranti li kien
jaf jittrażmetti.
29. Karmenu
Mifsud-Bonnici: qatt kellna politiku personalment integru aktar
minnu?
30. Manuel
Delia: the queen-maker?
31. Roberta Metsola: taf tgħodd
sal-għaxra...u anke ħdax.
32. Roberta Metsola: kontra
l-legalizzazzjoni tal-abort dejjem u f’kull każ?
33. Robert Abela: għadu lest li jekk iqum
xi ħadd f il-PL b’inizjattivi favur l-abort, “isib lili kontra tiegħu’’? Għax
fil-każ se jkollu jippoppa sidru ta’ sikwit...
34. Robert
Abela: imma dakinhar x’fettillu jistqarr li jħossu mkisser
eċċ? F’konferenza stampa kien mhux fil-klinika tal-psikoterapista.
35. Robert
Abela: Kemm-il darba waqa’ fil-politika rħisa ta’ kummenti li
jaqtgħu fuq l-oppożizzjoni. Statista ma jinħeliex f’dawn l-affarijiet.
36. Robert
Abela: ħaqqu prosit tal-apoloġija, anke jekk prevedibilment
qanqlet reazzjoni fil-PL. Anzi, minħabba f’hekk, prosit doppju.
37. Robert Abela: Meta se jagħmel dmiru u
jneħħi lil Zammit Lewis minn Ministru?
38. Robert Abela: mill-ewwel sab l-iebes –
il-Covid, il-mewt ta’ Miriam Pace eċċ. S’issa, bħala PM ġaħġaħha, imma mhux li
bbrilla wisq.
39. Alfred Sant: Talli ċċivilizza
lill-MLP u qaċċat lill-vjolenti, kapaċi naħfirlu anke tal-abort, kważi. Imma
kważi biss.
40. Alfred Sant: Il-patti max-xitan
fil-politika moda li daħħalha hu?
41. Il-PL:
fis-snin 70 u 80, kien soċjalista imma mhux demokratiku. Illum liberali roża
ċar.
42. Desmond Zammit Marmarà: alkoħol rari
nixrob, imma jekk niltaqa’ miegħu lest inħallaslu birra, tnejn u anke tlieta.
43. Desmond Zammit Marmarà: jistħoqqlu
monument il-kwartieri tal-PL, avolja hemm min jixtieq jarmalu forka.
44. Arnold Cassola: jindaħal f’kollox, jikkummenta fuq kollox, imma ħafna drabi
allaħares ma jkunx hu.
45. Simon Mercieca: għadni ma nistax
niddeċiedi jekk għandux Alla għalih, jew hux
qiegħed jgħaddi ż-żmien bin-nies u bih innifsu.
46. Graffiti: iqanqlu
fija ambivalenza bla tarf. L-ambjent u l-abort - Alla u x-xitan, in-nar u
l-ilma.
47. Fr. David Muscat: tassew intelliġenti,
fidi qawwija – imbagħad imur jingħaqad mal-lemin razzista u anti-semita!
48. Marie-Louise Coleiro Preca: bħala
Ministru ġieli ndaħlet fejn ma jesagħhiex. Illum imissha titkellem aktar fuq
il-kwistjonijiet kontroversjali.
49. Ġorġ Abela: ħasra li ibnu
l-PM, għax fehemtu fuq kwistjonijiet soċjo-politiċi kienet tiswa ħafna.
50. Jien: Nixtieq li qabel immut
il-kuxjenza tħallini nerġa’ nivvota lil-Labour.
Monday, 9 August 2021
Ġaħan fil-Klassi
Ftit kienu dawk li rnexxielhom jirreżistu t-tentazzjoni li jiżżuffjettaw, jiddieħku, jew jiċċajtaw bil-‘’ġaħan’’ ta’ Edward Zammit Lewis. Jien bħal kważi kulħadd għamilt. Meta okkażjoni ta’ satira bħal din tidher quddiemek fuq platt tad-deheb mhux dejjem faċli jkollok is-sinsla li taqdef kontra l-kurrent u tirrifletti sew fuq l-implikazzjonijiet kollha tal-biċċa qabel tibda tfajjar l-istatuses fuq Facebook.
Imma f’xi ħin is-sens jew il-kuxjenza jew ma nafx xiex
jaqbdek minn xagħrek b’ġibda iktar qawwija minn ta’ Chiellini fuq Saka u
jkollok tieqaf ħesrem u tħaddem in-newroni. Imbagħad tara dak li, kieku kont
onest daqs kemm tħobb timmaġina li int,
missek intbaħt bih żmien qabel.
Edward Zammit Lewis
- x’għarukaża, imissu jistħi, ara veru Laburist trid tkun - għajjar lil dawk li ma vvutawlux “ġaħan’’,
u lil sħabu li sabu ruħhom fil-Parlament imbagħad fil-Kabinett ‘’tfal u pożi’’.
Ma kienx messaġġ fiċ-chat ma’ Yorgen Fenech! Il-midja soċali xegħlu.
Bosta skandalizzaw ruħhom bil-lingwaġġ insolenti fuq ħutu
fil-politika, li, msieken, saru vittmi bla ħila innoċenti ta’ politiku
egoċentriku u nieqes minn kull ħjiel ta’ diċenza. Oħrajn għoġobhom jagħfsu fuq
kemm kellhom raġun jgħidu, jtennu u jtelltu li l-votanti Laburisti iġħna/ġħanan
li ma jitgħallmu b’xejn għax moħħ m’għandhomx, qatt ma kellhom u ma jistax
ikollhom – u li Malta bla tama u rasha ‘l isfel għat-telfien.
Ngħidha mill-ewwel li l-imġiba ġenerali u partikulari ta’
Zammit Lewis fil-konfront ta’ Yorgen Fenech hija tat-tqalligħ – minn diversi
punti di vista. Mhix denja ta’ politiku serju u jmissu jirriżenja llum qabel
għada. Ma nistax nifhem kif Robert Abela għadu ma tahx daqqa ta’ sieq fuq sormu
u qalftu ‘l barra. Veru li min jaf kemm kien hemm politiċi oħra (inklużi
tal-PN) li lagħqu lin-negozjanti huma wkoll (għal xi sponsorship ta’ xi
attività jew xi pellegrinaġġ), imma ladarba nkixef jilgħaq bla mistħija lil
negozjant sid ta’ kumpanija b’dell ta’ korruzzjoni fuqha ma jistax jibqa’
Ministru. Sostanzjalment nappoġġja
l-kampanja ta’ Repubblika (li mhix għaqda li nammira wisq) li tridu jwarrab jew
jitwarrab.
Però, fuq il-biċċa ta’ "ġaħan’’ ta’ min ifettaq naqra. Il-"ġaħan Laburist'' ħarbex Zammit Lewis.
X’ikun ''ġaħan’’ f’dan il-kuntest? Mill-bqija tal-kitba ta’ Zammit Lewis donnu
jidher li ‘’ġaħan’’ ikun dak li mhux kapaċi jagħraf kandidat intelliġenti u
maqtugħ għall-politika, imma jivvota lil individwi anke inferjuri skont jekk
ikunux qdewh jew le. Naturalment Zammit Lewis kien qiegħed jipprova jispjega
lilu nnifsu – u lil sieħbu li tant jammira – għaliex hu fl-2017 tela’ biss
fl-elezzjoni każwali u tilef Ministeru. U għajjar lil-votanti li ma ftakrux fih ''ġaħan’’.
Tgħid Zammit Lewis l-uniku politiku fl-istorja li fil-privat
waħħal fin-nuqqas ta’ kapaċità intellettwali u morali tal-votant biex jispjega
għaliex mar ħażin fl-elezzjoni jew baqa’ l-art? Għax din l-ispjegazzjoni
(m’iniex se ngħidilha skuża għax issib element ta’ verita fiha) xbajt nismagħha
fin-nofs seklu li ili interessat fil-politika. Bħalissa qed naħseb fuq xi
tużżana politiċi li ntqal hekk fuq is-sitwazzjoni tagħhom meta marru ħażin.
Niftakar li Ġorġ Hyzler tal-PN fl-1987, Alla jaħfirlu. Tela’ bi sbrixx.
Imbagħad – kien Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, jekk niftakar sew - bena
Poliklinika Ħal-Qormi, il-qalba tad-distrett elettorali, u fl-elezzjoni ta’
wara tela’ sparat. Biex ma nsemmix lill-mibki Pawlu Xuereb. U lil Louis Galea.
U oħrajn.
Naturalment ħadd minnhom ma kien magħruf li għajjar lill-votanti ‘’ġaħan’’.
Imma l-kanvassers u l-ħbieb tagħhom bejn wieħed u ieħor l-istess bħal Zammit
Lewis kienu jgħidu. U ma kinux jeżistu chats dak iż-żmien. Zammit Lewis
lagħaqi. Imma xortih ħażina wkoll.
Ironikament dak li qed jgħid Zammit Lewis u li xeba’
jaqla’ fuq rasu minħabba fih, huwa eżatt dak li qed jgħidu - u ilhom - ħafna
sostenituri tal-PN u tas-Soċjeta Ċivili fuq il-votanti Maltin li jivvutaw
lill-PL. Kważi kważi li huma speċje inferjuri li tivvota skont min jaqdiha u tinsa
l-ordni morali u estetiku – jew jiġu għala bieb għajnhom minnu. Spjegazzjoni
komda għal kulħadd. Imma jekk tinqabad tgħidha meta tkun kandidat, ħoll
xagħrek. U ġib kusejn jew tlieta żejt.
Dawk il-‘’ġaħan’’ li llum jivvutaw lill-PL (u għada se
jerġgħu), bil-fors li ħafna minnhom kienu darba jappoġġjaw lill-PN, għax kieku
dan ma kienx idum fil-Gvern kwart ta’ seklu. Kif spiċċaw mal-PL u mhux lesti li
jiċċaqalqu? X’kien dak li ''ġaħħanhom’’? Jew kienu “ġaħan” diġà meta kienu
mal-PN?
Bħalissa l-PN jidher li riesaq lejn it-tielet tkaxkira in
fila. Bernard Grech qed jagħmel minn kollox biex barra li "isalva lil Malta’’,
forsi, b’xi miraklu, jillimita t-telfa għal inqas minn 25,000 u jsalva ġildu - jew għall-anqas wiċċu. Biex jagħmel hekk
għandu bżonn li jattira lejn il-PN ftit eluf li l-aħħar elezzjoni vvutaw
lill-PL. Imma bl-istħarriġ konsistentement juri li l-PL se jirbaħ b’mill-inqas
kemm rebaħ fl-2013 u l-2017, jidher li l-‘’ġaħan’’ se jibqa’ d-dar u mhux se
joħroġ, jiġbed il-bieb warajh u jaqsam it-triq għal għand il-PN.
Naturalment, il-PN dejjem jista’ jikkuntenta bil-kwalità tal-votanti, jekk mhux
bil-kwantità. Jew forsi, is-sostenituri l-aktar voċiferi tiegħu jistgħu jwarrbu
r-retorika klassista, jigdmu lsienhom u juru ftit aktar rispett lejn il-votanti
Laburisti. Inqas ma jtellgħu ħitan klassisti, iktar ikun hemm ċans li tlieta ma
jsirux erbgħa.
Thursday, 4 February 2021
Breathing Easier in May?
Robert Abela received a lot of stick for his statement that Malta would return to quasi-normal life by May. I shared the general scoffing scepticism - until I actually sat down, thought about it and looked at the figures.
The disbelief seems to have been generated on the basis of the mistaken assumption that quasi-normal socio-economic activity could only resume once herd immunity was achieved. Were that the case we could not contemplate opening up before we would have inoculated at least 70% of the population (if not 80% or even more given the high transmissibility of Covid-19 powered by the new variants). Government estimates it will take till the end of Summer for the lower figure to be reached.
Warily easing restrictions in place at the moment - thus giving a much-needed boost to the economy - could be an option for the country to consider. Obviously, one should not be envisaging a situation where all protective measures are terminated - far from it. Although mortality from Covid would not be a big problem, the dangers of people contracting Covid, not succumbing to it, but suffering long-term health consequences will have to be considered. Hence a strong dose of prudence will still be essential if health is to be safeguarded.
This scenario depends on the ready availability of vaccines. It also does not take into account the establishment of variants of the virus not susceptible to some or all of the vaccines nor other unforeseeable factors which could determine conditions hitherto unknown. However, as things can be viewed now, Malta’s economy and social life could take a turn for the better in as little as less than four months from now.
Saturday, 23 January 2021
Mill-Qiegħ għas-Sħab
Qalli kemm-il darba, b’dik il-ħarsa tikka mistħija, imma aktar imqarqċa, li l-ewwel darba jew darbtejn li rani fuq it-television nitkellem fuq l-alkoħol tgħidx kemm offendieni bil-qalb. Kliemi fuq l-alkoħoliżmu kien iżarżar f’widnejh u biex ipattihieli talli ażżardajt ninsultalu d-drawwa li jixrob sakemm jieħdu sew – jekk ma jiskirx – kien jibgħatni nieħdu bl-ikbar devozzjoni, fost baraxx ta’ insulti oħra li nagħmel sew jekk ma niktibhomx. Naturalment kien ikun imlaħlaħ u allura ilsienu kien jitilqu aktar mis-soltu...
Dak iż-żmien kien fuq tiegħu, ibigħ is-saħħa u “kiesaħ
daqsi ma kienx hawn’’ għadu jħobb jgħid. Għalkemm flixkun whisky f’erba’, ħames
sigħat ġieli niżżlu – u tliet kwarti ta’ flixkun kienet ħaġa ta’ kull għaxija preċett
– l-għada kien iqum għax-xogħol qisu mhux hu. Kien jaħdem f’birrerija imma, ħlief
għal żmien qasir f’żgħożitu, qatt ma xorob birra u qatt ma xorob qabel ma kien
jasal id-dar wara x-xogħol. Għax ma kienx jixrob filgħodu – u għax ix-xorb dam
ma beda jkiddlu saħħtu – seta’ jkompli jgħaddi ż-żmien bih innifsu u jagħmel tabirruħu li kontroll kellu.
Kien beda jixrob ta’ xi 15-il sena biex irabbi l-kuraġġ u jitla’ fuq il-palk
ikanta. Il-kuraġġ kien jiġi u t-togħma u s-sensazzjoni li kien jagħtih ix-xorb –
ta’ ħelsien mill-ansjetà u ta’ fiduċja artifiċjali fih innifsu – għoġbuh u
beda jixrob aktar ta’ spiss. Żid mal-kawlata t-tendenza lejn id-dipendenza li
n-natura tkun tatek b’wirt u tinsiex tħawwar bl-idea, bħal ma għandhom ħafna,
li x-xorb bil-goff huwa sinjal ta’ rġulija, ta’ kemm int ‘bully’. Għandek
ir-riċetta perfetta tal-alkoħoliżmu. Rari tfalli...
Jekk hu kien jiġi jaqa’ u jqum mill-konsegwenzi tax-xorb – għax ma kienx jarahom – mhux l-istess il-familja tiegħu. Martu bejn għax kienet tinkwieta għalih u bejn għax kienet iddejqet bl-imġiba tiegħu kienet tiġġieled miegħu fuq l-alkoħol. Imbagħad, bdiet tfittex l-għajnuna tal-aġenziji speċjalizzati. Imma kollu ta’ xejn – jew għall-inqas, hekk deher għall-bidu.
Jekk hemm espressjoni li fir-rakkonti personali tal-alkoħoliċi tissemma spiss hija ''missejt il-qiegħ'', il-famuża ''rock bottom'' – meta tkun inżilt ‘l isfel tant li ma tistax tinżel aktar għax taħtek m’hemm xejn ħlief blat samm. Titlissen tant spiss għax hija parti mill-esperjenza ta’ kważi kull alkoħoliku li qatt kien hawn. Tfisser li tant hi kbira r-rabta max-xorb li tgħaddi mill-esperjenzi l-aktar koroh għal darba, darbtejn, tlieta u xorta waħda tibqa’ ddur mal-mogħdijiet imserrpa ta’ moħħok tħuf u tissajja sakemm issib imqar skuża waħda biex tkompli tixrob. Il-qiegħ issibu meta imbagħad tant titkisser li ma tkunx tista’ tigdeb aktar lilek innifsek. Żmien iebes ħafna – imma opportunità tad-deheb.
Meta jitkellem fuq il-ħajja tax-xorb tiegħu, Emanuel Spiteri ta’ sikwit isostni li kien biss meta assolutament ma setax ikompli jixrob għax ix-xorb kien "ħadli kollox’’ li rrealizza li kellu bżonn jagħmel xi ħaġa. U meta tagħfsu biex ifiehmek sewwasew x’irid ifisser, jgħidlek, b’sinċerità hekk sfiqa li tħallik mistagħġeb, li filli kien iħossu li ma jista’ għalih xejn u ħadd u filli saħħtu spiċċat għal kollox. Mar għand it-tabiba biex tagħmillu ċertifikat għax-xogħol u din qaltlu li ma kienet se tagħmillu xejn għax tliet ġimgħat ħajja kien għad fadallu jekk se jkompli jixrob.
“U kien baqagħli tmien liri biss’’ ikompli. Daħal f’qoxortu, jew aħjar, kontra qalbu ċ-ċirkostanzi kebbewh fiha u geżwruh sew. Did-darba kien hu li talab għall-għajnuna.
Ta’ kważi ħamsa u ħamsin sena s-sedqa daħħlitu Dar l-Impenn għad-diżintossikazzjoni u wara aċċetta li jidħol Dar iż-Żerniq għal programm ta’ sena. Kien sar magħlub qisu għuda, imma fi ftit ġimgħat ġie f’tiegħu. Il-programm iffurmah għax ġagħlu jmur kontra tiegħu nnifsu u jrażżan ix-xewqat tiegħu. Ma kienx faċli għalih u iktar minn darba kien se jaqbad il-bieb u jitlaq meta deherlu li r-regolamenti kienu bla raġuni. Imma kellu melħ biżżejjed f’moħħu biex jintebaħ li jekk ma jibqax fil-programm kien jerġa’ jibqa jixrob u jistieden il-gwaj. Allura għeleb it-tentazzjoni u baqa’ sal-aħħar.
Kien waqt il-programm li minn taħt il-qoxra beda jfeġġ il-veru Emanuel - dak li x-xorb kien satar u kważi keffen. Rajna bniedem li beda jsir kapaċi li jifli għemilu u jgħarblu, jammetti ħtijietu l-iżbalji tiegħu u jagħmel l-almu tiegħu biex jinbidel. Anke meta spiċċa l-programm baqa’ jieħu l-affarijiet bis-serjetà, anzi naħseb li iktar ma għadda ż-żmien aktar daħal fil-fond tar-rabta bejn l-alkoħol u l-imġiba tiegħu u beda jintebaħ li min tassew irid jibqa’ jtejjeb ħajtu irid imur lil hinn milli biss ma jmissx ix-xorb (għalkemm mingħajr dak il-pass ma jsir xejn) imma jrid jistinka biex isib dak li hu tassew importanti fil-ħajja.
Huwa fuq dan il-livell spiritwali li l-aktar li nbidel Emanuel. Is-sobriety tiegħu kienet l-iskop li ried jilħaq meta sab ruħu kważi mitħun mix-xorb. Meta laħaq dak l-istat dawru f’biċċa għodda biex jasal f’livelli ogħla ta’ eżistenza. U biex iċ-ċirku jingħalaq, għax jgħix f’dawk il-livelli, mhux faċli ħafna (għalkemm qatt ma nistgħu ngħidu impossibbli) li jerġa’ lura għall-ħajja ta’ qabel.
Emanuel huwa minn dawk l-individwi li għandhom dak li tista’ ssejjaħlu d-don tal-preżenza: ikunu fejn ikunu tinnutahom, iħallu l-marka u l-attenzjoni ddur magħhom. Ilsienu jaqilgħu u proprju għax jinqala’ biex jikkomunika ma’ udjenza, mar kemm-il darba fuq it-television u qal l-istorja tiegħu. Jien u hu mhux l-ewwel darba li morna fuq xi programm tat-television u l-preżentaturi lili (is-suppost espert) kważi insewni tant issaħħru bil-mod kif jikkomunika Emanuel. U għamlu sew: daqskemm jista’ jwassal il-messaġġ alkoħoliku wieqaf li ħadem fuqu nnifsu, ma jista’ jwasslu l-ebda ''espert’’.
Illum infakkru l-għoxrin sena sewwa minn meta Emanuel waqaf jixrob u beda l-mixja li wasslitu fejn hu llum. Ma kinitx triq faċli: daq mill-ħelu imma anke mill-morr li tagħti l-ħajja. Imma llum, b’riħet dik it-tisbita li wasslitu biex imiss il-qiegħ, wasal fejn qatt ma ħolom li seta’ jasal f’dak li hu progress spiritwali u rispett li jgawdi minn kull min jafu.
Nota: Żidt l-isem u l-kunjom ta' Emanuel Spiteri wara li hu talabni nagħmel hekk.
Saturday, 7 November 2020
Death by Expertise?
Update: this article was written some 15 years ago. The girl in question continues to remain in perfect health, and is described as a lively teenager who leads a very active life.
Wednesday, 30 September 2020
Il-Missier il-Ħali
Kif kont kważi għaxxaqt kollox,
B’dawn idejja x’mort għamilt
Kelli kulma ridt u aktar
Imma l-gost qerried għażilt
F’dar missieri kien hemm kollox,
Sliem u mħabba kemm irrid
Ħbieb bir-radam iwennsuni
Kont ta’ ħajti tassew sid
Stajt insib min ifarraġni
Meta nibki kont neħtieġ
Kelli ’l ħija bastun fuqi.
Ħarist wisq barra mill-ħġieġ.
U rajt dinja attraenti
Smajt il-kant maħnuq, sfrenat.
F’lejl miżgħud kwiekeb tal-plastik
Poplu jhewden ibbażżjat.
Bħal farfett miġbud lejn fjamma,
Bid-dawl tagħha ipnotizzat
Insejt kollox, ħrabt ’il barra
Għat-tbaħrid determinat
F’dik id-dinja tal-kuluri
Għixt imdamdam bil-pjaċir
Trab mill-abjad ġo mnifsejja
Kont inħossni qed intir.
Milfs u escorts, mitt elf mara
Meta ridt għal waħda tnejn,
Nissodisfa biss l-istinti,
Konsegwenzi? Ma qist xejn.
Ħbieb madwari bit-tużżani
Jekk f’ħaġ’oħra medhijin
Kulma ridt inħallas xarba
U bil-gzuz tarahom ġejjin
Fuq il-magni ħallelin,
F’każinos, bil-pannu aħdar
Li xorbuli kull xelin
Fi ftit xhur il-folja nqalbet
Filli fl-għoli qalb is-sħab
Filli ħadt tisbita kbira
U spiċċajt nilgħaq it-trab.
Waħdi, minsi mill-ħbieb kollha,
U għalkemm spiċċaw il-flus
Bix-xorb goff ta’ nbid mill-qares
Bdejt niġġandar bħal qażquż.
X’ħin bil-guħ, jien bdejt nintebaħ
Li ma kontx ‘il bogħod mit-tmiem
Ftakart kif ġo dar missieri
Hemm il-barka, ġid u sliem
U azzardajt naħseb li forsi
Kien hemm ċans jilqagħni hemm
Anke biss qisni barrani
Jekk id-demm qatt ma jsir semm.
Ma nafx kif, sibt min wassalni
mhux ‘il bogħod, fit-tarf tat-triq
Bdejt nistaqsi lili nnifsi
Se jgħajjarni wiċċi sfiq?
Se nisma’ ’l Missieri jgħidli
“’Ma rridekx, itlaq minn haw’
M’għandikx dritt tissejjaħ ibni
Mur man-nisa li żgarraw’?”
’Qas ilħaqt ħarist lejn daru
Li ma qamx dlonk fuq saqajh
Rajtu jtir bla nifs għal fuqi
U għafasni bejn dirgħajh
Leħnu fgat, bid-dmugħ iġelben
Qalli “Ibni, fl-aħħar ġejt
Kemm ġrejt ‘l hawn u ‘ l hemm infittxek
Kemm għarrixt minn fuq il-bejt.”
Dak il-ħali ta’ missieri
Baqa’ jħobbni kull mument
Ma mpurtahx mill-ġid li ħadtlu
Ma tax każ tat-tradiment
Ippruvajt nitolbu skuża,
Imma hu bil-ferħ itir
Qalli “Le, maħfur għal kollox,
Imxi nagħmlu party kbir
Nagħmlu festa la ġejt lura
La nistgħu nifirħu bik.
Mill-mewt qomt, erġajt għall-ħajja
Kont mitluf, issa sibnik”
Alessandro Bastoni: Culprit or Victim?
The incident which saw Inter defender Alessandro Bastoni fake being the victim of a foul during what is traditionally considered Italy’s m...
-
Actually you could almost say I once met Daphne. One afternoon in May 2009, I was standing next to the door of a packed St. Julian’s par...
-
Three serious car accidents within the space of a few days. Two people dead, one very critically injured, and at least one person escaping d...
-
It's difficult to give expression to the welter of emotions I'm experiencing right now. Trying to tease out all the different feeli...