It-telefonata kienet waħda minn dawk li bħalha konna nirċievu ta’ sikwit: kollega minn sedqa, jaħdem fil-kamp tad-droga, ċempilli biex jgħidli li kien jaf raġel li kellu problema tax-xorb u xtaq jagħmel xi ħaġa fuqha. Ċempiltlu u ftehemna li kellu jiġi Dar iż-Żerniq, il-Furjana xi jumejn wara filgħaxija.
Dik il-ħabta ma kellniex domanda qawwija wisq għas-servizzi tagħna. Kien ilna sena li ftaħna Dar iż-Żerniq u l-programm residenzjali ftit li xejn kien qed jiġbed nies. Kontinwament bit-tensjoni tal-mannara mdendla fuq rasna: jekk ma kinux se jiżdiedu r-residenti l-programm kienu se jagħlquhulna. Għall-programm kommunitarju, li ma kienx jeħtieġ li dak li jkun isir resident, kellna talba kontinwa, anke jekk mhux li tista’ ssejħilha sfiqa. Imma kważi ħadd ma ried jidħol resident u l-ftit li kienu jidħlu kienu jagħmlu hemm jekk mhux mill-Milied sa San Stiefnu, mill-Milied sal-Istrina, jew l-aktar l-aktar sat-Trere. Kull klijent ġdid konna nivvalutawh sew bit-tama li nsibu li kien se jkun addattat (u mixtieq) għall-programm residenzjali.
A. , minn daqshekk, kien ta’diżappunt. Il-personalità f’postha, pulit u edukat, familja li tidher stabbli minkejja li x-xorb tiegħu kiddha mhux ħażin, ma kellux problema fuq ix-xogħol minħabba l-alkoħol u kien lest li jipprova kulma nissuġġerulu. Deher li l-programm residenzjali ma kienx jgħodd għalih. Iddeċidejna li għall-inqas nibdew bil-programm kommunitarju, imbagħad jekk ma jirnexxix nikkunsidraw ir-residenza.
Ma kienx hemm wisq dubju li kellu problema ta’ dipendenza serja: jixrob kuljum, sa flixkun u nofs whisky, minkejja t-tgergir ma jaqta’ xejn tal-mara u r-reazzjoni tat-tfal li, b’imġibthom kienu juru lil missierhom li xejn ma kienu kuntenti bix-xorb tiegħu. Filgħaxija, kif imur lura d-dar kemxejn imxengel u lsienu tqil, u jsib atmosfera li xejn ma tilqgħu, bis-solennità kollha kien iwiegħed lilu nnifsu li l-alkoħol daqhekk miss ma xuftejh. U l-wegħda dejjem żammha...sa nofsinhar tal-għada filgħodu. Imbagħad il-kilba li tiġi mid-drawwa, daqskemm mill-ħtieġa taċ-ċelloli tal-ġisem li jassorbu dik is-sustanza li kienet saret taħjihom u tirvinahom fl-istess ħin, kienet tiġbdu lejn il-ħanut biex ‘’nieħu tnejn u nitlaq’’ – u jibqa’ mwaħħal mas-siġġu sakemm ilegleg flixkun whisky f’sagħtejn u nofs.
Għax ix-xorb hekk għal min hu alkoħoliku: bexxaqlu l-bieb pulzier u jidħol bil-ħalel waqt grigalata. Tih nofs difer u jiblagħlek ġismek kollu – u ruħek u moħħok ukoll.
Fil-għaxija, dritt mix-xogħol, is-seba’ visti: ħwienet, il-Każin tan-Nazzjonalisti, il-Każin tal-Labour (ix-xorb ma jagħrafx kuluri), il-Każin tal-Banda. Imbagħad, xħin l-istonku ma jkunx baqagħlu wisa’ għall-grokk ieħor, jerħilha lejn id-dar...
Fil-familja li trabba fiha x-xorb kien ta’ ġewwa: missieru u erbgħa minn ħutu s-subien kienu jixorbu bil-kbir; tnejn minnhom mietu minħabba l-effetti tal-alkoħol. Minn ċkunitu trabba bl-inbid. Meta ġie għandna għall-għajnuna kellu 56 sena - u kien ilu jixrob bil-goff aktar minn 30.
Kien t-tfal li kkonvinċewh ikellem lill-ħabib tagħhom li kien jaħdem sedqa. Aċċetta għax, fil-fond ta’ qalbu, ma setax jiżgiċċa l-verità li - la kien jibda u ma jieqaf b’xejn u diffiċli ħafna biex ma jibdiex avolja x-xorb kien qed jaqlagħlu l-inkwiet fil-familja – kellu problema. U problema serja.
Beda jattendi l-laqgħat tagħna darbtejn, ġieli tlieta, fil-ġimgħa. Il-mara tiegħu li kienet ilha għaxriet tas-snin tbati minħabba x-xorb tiegħu - u li sa membri tal-familja tiegħu stess kienu jħeġġuha biex titilqu – appoġġatu bis-sħiħ u kienet tmur miegħu għal-laqgħat kollha. Hi stess irrealizzat li dawn kien qed jgħinu liha wkoll biex tifhem li żewġha kien marid u li l-uniku “fejqan”kien li jitgħallem jgħix mingħajr xorb.
Għall-bidu A. kellu l-ħsieb li wara ftit jerġa jibda jixrob “bħan-nies”. It-terapisti u sħabu l-alkoħoliċi tal-grupp malajr fehmuh li min inħakem mill-alkoħoliżmu ma jista’ jixrob xejn. Beda jara b’għajnejh dawk li webbsu rashom u ppruvaw jikkontrollaw daħlu f‘baħar ta’ inkwiet, u ġieli qabdu t-triq li wasslithom fil-qabar. U rrealizza li għalih mogħdija waħda kien hemm: dik li għal lum ma jixrobx. U għada jagħmel l-istess...
Minn dak il-jum li A. rifes l-għatba ta’ Dar iż-Żerniq għall-ewwel darba għaddew 26 sena. Ma missx qatra ma xufftejh. Inkwiet kellu – u serju: mard gravi ta’ membri tal-familja; attakk tal-qalb li kważi bagħtu għand il-Mulej u traġedja kerha li kexkxet lil Malta ħasdet il-ħajja ta’ membru ieħor tal-familja.Darba, waqt munemt ta’ tensjoni u dwejjaq minħabba waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, qabad it-triq lejn il-ħanut li bil-ħsieb li jmur jixrob, imma eżatt qabel wasal, irrealizza li bix-xorb ma kien se jsolvvi xejn – u dar lura. Dawk is-sigħat li qatta’ fil-grupp, jgħid tiegħu, jisma’ u jixtarr, servew biex daħħal f’moħħu l-idea li bix-xorb tkabbar il-problemi mhux issewwihom. U fil-mument tal-prova, l-għarfien jaf jisboq it-tentazzjoni.
Sal-biraħtlula stess attenda l-laqgħa tagħna l-Furjana. Meta tistaqsih għaliex, wara disgħa u għoxrin sena, għadu sal-lum jattendi, iwieġbek li jaf li jekk ma jfakkarx lilu u jsaħħaħx lilu nnifsu kapaċi jgħaxxaqha. Ra ħafna, li anke wara snin weqfin u b’ħajjithom għaddejja sew, bdew jaħsbu li kapaċi jfendu mingħar l-appoġġ u żgarraw. Fuq kollox, li tinvesti siegħa u nofs darba jew darbtejn fil-ġimgħa biex iżżomm ħajtek fis-sod, huwa sagrifiċċju żgħir.
Bil-waqfien mix-xorb A. kiseb ħafna – u ma jridx jarmih. Saħħtu, il-familja magħquda li tħobbu u tridu fejn qabel kienet tiskartah, ħbieb li jirrispettawh, l-opportunità li jgħin lil ħaddieħor bil-kelma u bl-eżempju – qed jgħix ħajja li sitta u għoxrin sena ilu lanqas biss kien jazzarda joħlom li għad ikollu. Martu, kwieta, umli, imma soda daqs l-azzar, għandha mertu kbir fil-kisbiet tiegħu. Flimkien għamlu vjaġġ minn post ta’ għawġ u tensjoni għal fejn qegħdin illum: kuntentissimi b’ħajjithom u bl-għaqda ta’ bejniethom.
Mhux veru li min jitwieled tond ma jmutx kwadru. Bid-deċiżjoni u bl-appoġġ isiru l-bidliet profondi. Seħibna A. huwa xhieda qawwija ta’ dan.